Aqbeż għall-kontenut

L-istorja li tgħid li d-dragun fil-ħabs bela’ lil Santa Margerita, imma hi raddet…

Sors: Facebook

L-istorja li tgħid li d-dragun fil-ħabs bela’ lil Santa Margerita, imma hi raddet is-salib u dan id-dragun inqasam, “anki jekk ma ġratx, hi storja vera!”, qal l-Isqof Anton Teuma dalgħodu fil-Festa tal-Qaddisa Megalomartri fil-Parroċċa Ta’ Sannat.

Hu kompla spjega li dan li tirrakkonta din il-ġrajja jseħħ kull meta n-Nisrani li jidentifika ruħu ma’ Ġesù Msallab, jgħix f’soċjetà li taħsibha bil-maqlub, “fil-kantini fejn hemm il-korruzzjoni, id-droga”, u l-bqija.

⚪ L-għażliet li għandu n-Nisrani

Waqt li indika s-salib f’idejn il-qaddisa fix-xbieha tagħha, l-Isqof staqsa: “X’se jagħmel in-Nisrani li jiddeċiedi li jħobb lil Ġesù, meta jiġi ppreżentat bl-għażla f’pajjiżna jekk il-mument tal-mewt inħalluhx f’idejn Alla jew nagħtuhx f’idejn il-bniedem? Se nifqgħu d-dragun, jew se nħallu lilna nfusna niġu miblugħa mid-dragun?”.

“X’se nagħmlu aħna l-Insara quddiem sitwazzjonijiet ta’ ġustizzja: x’jaqblilna, jew x’inhu veru? X’jagħmel in-Nisrani meta nhar ta’ Ħadd jiġi sfidat b’elf impenn ieħor, u quddiemu hemm l-Ewkaristija? Se jħalli s-salib ta’ Ġesù bil-qawwa tiegħu jkun differenti mill-bqija, minkejja l-kurrenti kuntrarji?”, kompla staqsa l-Isqof.

Huwa qal li għalkemm kienet tfajla żgħira fl-età u bla saħħa, Margerita “bl-għażla li tagħmel li Ġesù jkun kollox għaliha, tirabaħ il-kurrenti kollha kuntrarji”, u għalhekk “taqbadna minn idejna u tmexxina fejn waslet hi”.

⚪ It-tagħlim miċ-ċkunija

L-Isqof tkellem dwar dak li nafu mill-ħajja tal-qaddisa martri: twieldet f’familja pagana, missierha Teodosju kien saħansitra saċerdot ta’ reliġjon pagana, u ommha ħallietha żgħira. Dan ifisser li “mill-bidu nett ta’ ħajjitha affaċċjat id-diffikultajiet”.

Imma missierha jafdaha lil mara li ħadet ħsiebha, ħabbitha u laqqgħetha mal-persuna ta’ Ġesù. “Mingħajr ma ssikkatha jew ġagħlitha teħodha kontra missierha, din il-mara ppruvat turiha l-veru, sabiħ u importanti fil-ħajja”.

U għalhekk “kemm hu importanti miċ-ċkunija t-tagħlim dwar Ġesù! Minbarra l-wirt, il-professjoni, l-istudju... kemm hu importanti li l-ġenituri jgħaddu l-persuna ta’ Ġesù!”, insista l-Isqof.

⚪ Għarfet is-sabiħ ta’ Ġesù

Margerita, mingħajr ma fittxet hi, iltaqgħet mat-teżor ta’ Ġesù li jsemmi l-Vanġelu ta’ dan il-Ħadd. “Hi ntebħet li Ġesù hu sabiħ, u dak li jgħid, għalkemm mhux komdu, hu l-iktar importanti għall-bniedem”. Għalhekk, hi għamlet “bħar-raġel li sab teżor moħbi f’għalqa, u kollu ferħan mar biegħ li għandu biex jixtri l-għalqa”.

Hawn l-Isqof staqsa għaliex aħna spiss nagħmlu l-affarijiet tal-fidi bit-tqanżiħ. It-tweġiba li ta minnufih kienet li filwaqt li Margerita għarfet is-sabiħ ta’ Ġesù, aħna b’xorti ħażina dan ma jirnexxilniex narawh. Hi “tant ratu sabiħ lil Ġesù f’għajnejha, li saħansitra b’rispett kbir tħalli lil missierha”.

Għalhekk, qal l-Isqof, “Margerita tkompli tgħallimna niskopru s-sabiħ ta’ Ġesù”, anzi, inħallu lilu jurihulna permezz tal-katekiżmu, il-formazzjoni, l-Ewkaristija. “Inkella Ġesù jibqa’ għalina piż li nkaxkru bi tradizzjoni”.

Mill-ġdid huwa indika l-istatwa titulari fejn f’idejha l-qaddisa tidher iżżomm il-ktieb tal-Iskrittura!

⚪ Tagħti kollox biex tikseb il-ġawhra prezzjuża

“Il-laqgħa tagħha ma’ Ġesù lil Margerita tagħmlilha bħal dak ir-raġel li meta jsib perla prezzjuża, imur ibigħ il-ġid kollu li kellu biex jixtri dik il-ġawhra prezzjuża”, kompla jgħid l-Isqof b’riferiment għall-Vanġelu ta’ dan il-Ħadd kif ukoll għall-isem tal-qaddisa li jfisser ‘perla’.

Fir-rakkont tal-martirju tagħha, insibu lil Olibriju, ġeneral ta’ Djoklezjanu, li jieħu grazzja magħha... Xi ħaġa sabiħa ħafna, ikkummenta l-Isqof, u Margerita ma tiċħadx din l-imħabba biex tagħmel xi sagrifiċċji kbar imma “għax qalbha kienet diġà mimlija bi mħabba oħra”.

“Din it-tfajla, li tilfet lil ommha żgħira, kienet abbandunata minn missierha, u fl-aħħar issib xi ħadd li jħobbha, tant ħassitha maħbuba minn Ġesù, li ma kellhiex bżonn imħabba oħra”. Għalhekk hija lil Olibriju riedet tgħidlu li “qalbha mimlija bi mħabba ta’ xi ħadd bil-wisq ikbar minnu”.

Din kienet Margerita, li “bħar-raġel tal-Vanġelu saħansitra biegħet l-affetti umani l-aktar bżonjużi, minħabba fi Kristu”.

⚪ Turina kif nagħżlu lil Ġesù

L-Isqof Anton qal li “llum, li ssib xi ħadd li jħobbok tassew, qisek tlajt fil-lotterija! Imma Margerita qed tgħidilna: ‘Intebaħ li fl-għalqa ta’ qalbek hemm teżor prezzjuż, li hu Ġesù, u bħali pprova biegħ kollox għaliha’”.

Huwa żied jgħid li hi “titlobna bil-ħniena llum fil-Festa tagħha biex nagħmlu l-għażliet skont Ġesù: fil-familja, il-maħfra, ir-rikonċiljazzjoni”. Dan għax hi għexet kontinwament fir-rikonċiljazzjoni: taħfer lil missierha, tagħmel paċi mal-istorja tagħha u taħfer dak li ġralha, taħfer lil Olibriju, u fl-aħħar kontinwament taħfer lil dawk li kienu qed jittorturawha.

“X’kobor ta’ tfajla, x’qawwa ta’ qalb, x’intelliġenza fil-moħħ ta’ dik iż-żagħżugħa!”, esklama l-Isqof. Għalhekk tajjeb li nitolbuha biex aħna wkoll nagħmlu dawn l-għażliet fis-sitwazzjonijiet li nkunu fihom.

“Fl-aħħar mill-aħħar”, huwa fakkar, “jekk jien ma nimxix fuq il-Vanġelu, inkunu nimxi fil-vojt u ma nagħmel ebda pass”, meta Alla għandu pjan sħiħ għalina u aħna msejħin biex ngħixu l-ħajja eterna ma’ Ġesù.

“Margerita dan tant fehmitu kmieni li ta’ 15-il sena għaliha kienet għexet biżżejjed, għax taf li issa ġejja l-ħajja ta’ dejjem fuqha”. Minn dan l-ispunt l-Isqof kompla qal li l-martri huma nies ta’ intelliġenza spiritwali kbira li meta tirrifletti fuq ħajjithom, iwaqqgħuk fi kriżi.

⚪ Il-Knisja taqbadna minn idejna

“Bħalma Santa Margerita kienet fdata f’idejn din il-mara li ħadet ħsiebha u tellgħetha fl-imħabba ta’ Ġesù”, l-Isqof stieden lil kulħadd biex “nagħtu ċans lill-Knisja taqbadna wkoll minn idejna u tgħaddilna l-ġawhar prezzjuż li sabet Margerita”, jiġifieri l-Kelma ta’ Alla, l-Ewkaristija, u t-tagħlim.

Hekk, “meta naffaċċjaw il-mument tal-verità, bħalha aħna ngħaddu minn din id-dinja għar-rabta sħiħa ma’ Ġesù li bħalissa l-ħin kollu nfittxu, għax qalbna bħal Margerita tixxennaq għall-ġawhra prezzjuża”.

Aqsam fuq