Aqbeż għall-kontenut

Laqgħa Ġenerali u Għoti taċ-Ċertifikati fl-Ipm

Nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Lulju saret il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Istitut għall-Ministeru Pastorali (IPM) fid-Djoċesi ta’ Għawdex. Din kienet tinkludi l-għoti taċ-ċertifikati lil 77 student li attendew għall-korsijiet tul din is-sena. Il-korsijiet offruti kienu: Award in Safeguarding of Minors, Award in Liturgical Formation, u Award in Inclusion of Vulnerable People in the Community.

Fost id-diskorsi li saru fil-laqgħa, Dun Noel Debono, Direttur tal-IPM, tkellem dwar l-iskop ewlieni tal-Istitut, li hu li joffri formazzjoni pastorali sabiex il-membri kollha tad-Djoċesi jkunu jistgħu joffru servizz aktar professjonali fil-komunitajiet u l-gruppi tagħhom. Ta ħarsa lejn il-korsijiet li ġew offruti din is-sena, irringrazzja lil min mexxiehom jew għen biex setgħu jittellgħu, u għalaq billi tkellem dwar il-korsijiet li bil-ħsieb li jiġu introdotti s-sena d-dieħla.

L-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma wkoll għamel messaġġ qasir fejn xebbah il-ferħ li kien qed iħoss xħin jara dawn l-istudenti li temmew il-korsijiet tagħhom, mal-ferħ tal-ġenituri li jaraw lil uliedhom ikomplu jistudjaw. Hu ssuġġerixxa l-bżonn li nkunu attenti u nisimgħu l-ħtiġijiet tas-soċjetà meta jiġu ppjanati l-korsijiet, u kemm hu tajjeb li nindirizzaw dawn il-ħtiġijiet attwali. Semma fost l-oħrajn ir-realtajiet tal-midja soċjali u tal-familja, li hu suġġett għal qalbu ħafna.

Aċċenna wkoll għall-kors ġdid dwar il-Bibbja li flimkien ma’ ieħor dwar il-Morali hu ppjanat li jingħata fis-sena akkademika l-ġdida, u saħaq fuq l-importanza tiegħu fi qbil ukoll mal-prijorità li ħa tingħata lill-Kelma ta’ Alla fil-Pjan Pastorali 2022-2023.

Sar ukoll diskors minn rappreżentant tal-istudenti, David Grech, li huwa membru tal-iScouts u għamel il-kors dwar is-Safeguarding. Hu enfasizza kemm kors bħal dan jgħin biex jinħoloq għarfien dwar kif sitwazzjonijiet ta’ periklu jistgħu jiġu evitati u kif tista’ tinduna b’ċerti sinjali fi stadju aktar bikri. Dan jgħodd kemm għar-realtà tal-iScouts u kemm għal dik familjari. Tajjeb li kors bħal dan ikompli jiġi offrut lir-realtajiet edukattivi u soċjali kollha tas-soċjetà u anki lill-ġenituri fil-formazzjoni tagħhom. Ikun għaqli li tiġi esplorata l-possibbiltà li jingħataw strumenti ta’ għarfien dwar dan is-suġġett lit-tfal ukoll.

F’din l-okkażjoni, li nżammet fiċ-Ċentru Parrokkjali tan-Nadur, tnediet ukoll il-websajt uffiċjali l-ġdida bis-servizzi li jagħti l-Istitut, www.ipm.edu.mt, li minnha studenti prospettivi se jkunu jistgħu jiksbu tagħrif dwar korsijiet ġodda, japplikaw onlajn u eventwalment jaċċessaw ukoll il-materjal akkademiku tal-korsijiet.

st-04-2022-laqgha-generali-u-ghoti-tac-certifikati-fl-ipm.pdf pdf · 224.97 KB Niżżel

Aqsam fuq