Aqbeż għall-kontenut

Lejn Ħidma Iktar Kordinata B’risq l-Immigranti u R-Rifuġjati F’għawdex

Dalgħodu fil-Kurja tal-Isqof, il-Belt Victoria, l-E.T. Mons. Mario Grech kellu laqgħa ma’ rappreżentanti tal-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà, il-Fondazzjoni għall-Kenn u s-Sapport għall-Immigranti (FSM), u l-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Rifuġjati tal-Ġnus Magħquda (UNHCR Malta).

Min-naħa tad-Djoċesi ta’ Għawdex, flimkien mal-Isqof għal din il-laqgħa kienu preżenti Dun Giovanni M. Curmi, Segretarju Pastorali, u l-Kan. Mikiel Borg, Delegat għall-Caritas Djoċesana.

Ġiet diskussa s-sitwazzjoni tar-rifuġjati f’Għawdex u x’ħidma saret fis-sena 2016 biex jingħata servizz iktar kordinat.

Fost l-isfidi li ssemmew hemm dak ta’ sapport minimu għar-rifuġjati fis-servizzi soċjali prinċipali, nuqqas ta’ komunikazzjoni minħabba l-lingwa, opportunitajiet każwali ta’ xogħol mingħajr kuntratti jew nuqqas ta’ xogħol, problemi ta’ residenza, u ftit li xejn integrazzjoni fil-ħajja tal-komunitajiet lokali.

Intqal li fost l-organizzazzjonijiet preżenti f’Għawdex, il-Knisja hija l-aktar waħda li qed tgħin u ssegwi lil dawn ir-rifuġjati. Dan, fost l-oħrajn, permezz tal-Caritas li tindirizza l-ħtiġijiet bażiċi tagħhom; għajnuniet biex jiġġeddu dokumenti ta’ rifuġjati; akkoljenza ta’ familji rifuġjati fl-appartamenti proprjetà tad-Djoċesi; inseriment ta’ tfal fl-iskejjel tal-Knisja; kollaborazzjoni mas-social workers fl-iskejjel tal-Istat u ma’ dawk tal-Aġenzija Sedqa biex jinkisbu “drittijiet” soċjali; kors bl-Ingliż offrut mil-Leġjun ta’ Marija; sapport mill-komunitajiet Ewkaristiċi li jiltaqgħu fl-Istitut tal-Familja Papa Ġwanni Pawlu II; u għajnuna mis-Segreterija Pastorali tal-Kurja fost l-oħrajn biex jinstabu tradutturi għal pazjenti fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Dan barra assistenza oħra li qed tingħata mill-parroċċi.

Fil-laqgħa, l-Isqof Grech insista li f’Għawdex għandu jkun hawn uffiċċju li jikkordina l-ħidmiet tal-Gvern u l-NGOs b’risq dawn il-persuni, għax bħalissa l-ħidma hija sporadika u mhux organizzata.

L-Isqof żied li tajjeb li jkun hawn programm biex minn fażi assistenzjali ngħaddu għal fażi li tipprovdi formazzjoni biex dawn il-persuni jkunu jistgħu jieqfu fuq saqajhom u jintegraw ruħhom fis-soċjetà.

F’Novembru 2013, id-Djoċesi ta’ Għawdex, permezz ta’ Kummissjoni mwaqqfa apposta “għall-integrazzjoni tal-immigranti f’Għawdex”, kienet ippreżentat ir-Rapport “A Church that is hospitable” dwar il-qagħda attwali tal-immigranti f’Malta bi strateġija biex tiġi effettivament indirizzata din ir-realtà ġdida f’Għawdex.

Fi żmien xahrejn għandha tinżamm laqgħa oħra ta’ din ix-xorta.

st-04-2017-lejn-hidma-iktar-kordinata-b-risq-l-immigranti-u-r-rifugjati-f-ghawdex.pdf pdf · 289.34 KB Niżżel

Aqsam fuq