Sors: Facebook
Mit-Tnejn 21 sas-Sibt 26 ta’ Settembru, il-komunità tas-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù f’Għawdex żammet l-irtir annwali tal-bidu tas-sena formattiva, flimkien mal-komunità tas-Seminarju tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, fis-Seminarju tal-Virtù, ir-Rabat ta’ Malta. L-irtir tmexxa minn Patri Mark Grima MSSP, bi ħsibijiet ibbażati fuq id-dixxipulat fl-Evanġelju ta’ San Mark.
Nhar it-Tnejn 28 ta’ Settembru ngħata bidu għal sena oħra ta’ formazzjoni fi ħdan is-Seminarju Maġġuri, kif ukoll ta’ sena akkademika ġdida tal-Istitut Teoloġiku tal-Qalb ta’ Ġesù, imwaqqaf dan l-aħħar.
Għal din l-okkażjoni, l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma mexxa Konċelebrazzjoni fil-Kappella tas-Seminarju, b’talb speċjali lill-Ispirtu s-Santu. Għal din il-quddiesa kienu mistiedna l-familjari tas-seminaristi, l-Aħwa-Ħbieb tas-Seminarju, il-lekċerers u l-istudenti tal-Istitut Teoloġiku.
Fl-omelija l-Isqof saħaq dwar l-importanza tal-imħabba u l-qadi, sejħa li, minbarra li hi għall-Insara kollha, hi “b’mod speċjali għal dawk li jilqgħu s-sejħa tal-Mulej biex jimxu miegħu”. Dan deher ukoll fid-dawl tal-Ewwel Qari (Ġob 1:6-22) li kien jittratta l-istorja ta’ Ġob u l-fedeltà kostanti tiegħu lejn Alla.
Fi tmiem il-quddiesa, l-Isqof irringrazzja lill-Bord tal-Formaturi fi ħdan is-Seminarju li jiltaqa’ ta’ kull ġimgħa biex jiddixxerni l-formazzjoni tas-seminaristi. B’mod speċjali rringrazzja lil Dun Gabriel Gauci li temm il-ministeru tiegħu bħala Viċi-Rettur, filwaqt li ta merħba lil Dun Michael Grima fil-bidu ta’ dan il-ministeru. Irringrazzja wkoll lill-benefatturi kollha materjali u spiritwali tas-Seminarju, b’mod partikolari lill-komunità tas-Sorijiet Franġiskani fi ħdan is-Seminarju, lill-voluntiera u lill-Aħwa-Ħbieb tas-Seminarju. Wassal kelma ta’ kuraġġ lill-familjari tas-seminaristi u rringrazzjahom tal-għotja ta’ wliedhom għas-servizz tal-Knisja.
Fl-aħħar temm ir-ringrazzjament tiegħu billi talab il-ħarsien ta’ Ommna Marija u tal-qaddisin fuq il-5 seminaristi li ser ikunu jiffurmaw parti mill-komunità fis-Seminarju għal din is-sena ta’ formazzjoni u ħeġġiġhom iżommu sodi fit-triq li l-Mulej qed isejħilhom fiha, mixja li titlob ħafna sagrifiċċji iżda hi waħda sabiħa ħafna.
Din is-sena, is-Seminarju ta’ Għawdex qed jagħlaq 160 sena minn meta fetaħ il-bibien tiegħu.
Għal iktar tagħrif fuq l-Istitut Teoloġiku tal-Qalb ta’ Ġesù f’Għawdex, żur www.sacredheartinstitute.mt.