Aqbeż għall-kontenut

Nhar is-Sibt 25 ta’ Lulju, lejlet il-Festa ta’ Sant’Anna u San Ġwakkin, l-Isqof ta’…

Sors: Facebook

Nhar is-Sibt 25 ta’ Lulju, lejlet il-Festa ta’ Sant’Anna u San Ġwakkin, l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma ċċelebra Quddiesa quddiem il-Kappella ta’ Sant’Anna fid-Dwejra. F’din l-okkażjoni tfakkar ukoll Jum in-Nanniet u l-Anzjani. Il-Kan. Anthony Bajada, Kappillan tal-Parroċċa ta’ San Lawrenz, ikkonċelebra mal-Isqof. Miġemgħa mdaqqsa, magħmula minn anzjani, nanniet u familji, flimkien ma’ ġenituri li għandhom trabi żgħar jew li qed jistennew tarbija, ħadet sehem f’din il-quddiesa.

Fl-omelija, l-Isqof Teuma qal li Sant’Anna tiġbed lejha ħafna devoti għax fiha nsibu wens fil-fażijiet ta’ fraġilità tal-ħajja. Hu tkellem dwar il-fraġilità tat-tarbija sa minn ġol-ġuf, tat-tfal, u tal-anzjani – fraġilità li naraw madwarna fis-soċjetà individwalista tal-lum. L-Isqof fisser kif għandha tkun l-imġiba Kristjana f’dawn iċ-ċirkustanzi ta’ fraġilità, fuq livell personali u soċjali, kemm bħala individwi u kemm bħala komunità.

L-Isqof ta’ Għawdex stieden lil dawk preżenti biex jagħrfu l-kobor tal-Ewkaristija u għamel referenza għall-miraklu Ewkaristiku ta’ Kerala fl-Indja, fejn fuq l-Ostja kkonsagrata waqt il-quddiesa, nhar il-15 ta’ Novembru 2013, deher wiċċ uman – miraklu li kien approvat riċentement mill-Vatikan.

Il-liturġija ntemmet bit-tberik tat-trabi f’dirgħajn l-ommijiet miġbura mal-familja kollha madwar ix-xbieha ta’ Sant’Anna, kif ukoll b’talba fuq l-anzjani. Din l-attività kienet oganizzata mill-Grupp tat-Terza Età fi ħdan id-Djoċesi.

Aqsam fuq