Bl-għan li l-Poplu ta’ Alla miġbur fid-Djoċesi ta’ Għawdex jiġi megħjun bl-aħjar mod fil-mixja Nisranija tiegħu, skont il-bżonnijiet u l-esiġenzi attwali, qed jiġu mħabbra dawn in-nomini ġodda marbuta ma’ diversi ministeri u servizzi fil-ħajja tal-Knisja f’Għawdex.
Żewġ komunitajiet parrokkjali ser ikollhom Ragħaj ġdid fil-bidu tas-Sena Pastorali 2024-2025: − il-Kan. Krystof Buttigieg (mill-Qala) – Arċipriet tal-Parroċċa ta’ San Pietru u San Pawl, in-Nadur [sa issa Amministratur Parrokkjali minn April 2024]; − il-Kan. Edward Vella (mill-Għarb) – Kappillan tal-Parroċċa ta’ Kristu Ewkaristiku Salvatur, l-Għasri [sa issa Amministratur Parrokkjali minn Mejju 2023].
Ħidmiet ġodda oħra fuq livell Djoċesan: − il-Kan. Geoffrey G. Attard (minn San Ġorġ, il-Belt Victoria) – Kollaboratur fil-kura pastorali tad-Dar tal-Anzjani San Ġużepp, Għajnsielem; − Dun Giovanni M. Curmi (mill-Munxar) – Segretarju tal-Viżta Pastorali matul is-sena li ġejja; − Mons. Giovanni B. Cremona (minn San Ġorġ, il-Belt Victoria) – Rettur tal-Kappella tal-Lunzjata, limiti tal-Belt Victoria; − il-Kan. Michael Mifsud (mill-Għarb) – Kollaboratur fil-Parroċċa ta’ San Lawrenz, San Lawrenz; − Dun Joe Said (mix-Xagħra) – Kappillan fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u Rettur tal-Komunità ta’ Ġesù Nazzarenu, ix-Xagħra; − Mons. Jimmy Xerri (minn San Ġorġ, il-Belt Victoria) – Delegat tal-Isqof għad-Djakonija; − il-Kan. Michael Xuereb (mix-Xewkija) – Delegat tal-Isqof għall-Persuni tat-Terza età; − il-Patrijiet tal-Komunità Agostinjana u tal-Komunità Franġiskana Kappuċċina –għajnuna fil-kura pastorali tad-Dar tal-Anzjani San Ġużepp, Għajnsielem.
Fil-ħidma pastorali bħala Direttur Spiritwali: − Patri Arthur Cutajar OFMCONV (mill-Komunità tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali) – fil-Kulleġġ Għawdex, Skola Medja Agius De Soldanis, il-Belt Victoria.
Dawn il-ministeri ġodda fid-Djoċesi ta’ Għawdex jidħlu fis-seħħ nhar is-Sibt 14 ta’ Settembru 2024, Festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes. Huwa fid-dawl tal-imħabba, murija fil-misteru tas-Salib ta’ Kristu li kull ministeru jew servizz fi ħdan il-Knisja għandu jsib iċ-ċentru u l-milja tiegħu, waqt li jingħax bħala għotja u qadi għall-oħrajn.
Il-Knisja f’Għawdex tixtieq tirringrazzja lil dawk kollha – saċerdoti u lajċi – li taw is-servizz tagħhom b’dedikazzjoni u impenn fil-ħidma li kienu qed ikopru sa dawn l-aħħar ġimgħat. Fuq kollox tirringrazzja lill-Missier għall-ġid kollu li sar permezz tagħhom u li minnu seta’ jgawdi l-Poplu ta’ Alla fdat f’idejhom.
Il-komunitajiet kollha huma mħeġġa sabiex matul dawn il-ġimgħat isir mument ta’ talb kemm fil-parroċċi u kemm fil-familji għal dawn ħutna, ħalli filwaqt li nsostnuhom u ngħinuhom bit-talb u l-għajnuna tagħna, il-Mulej Ġesù – li beda din l-opra tajba fihom –iwassalha sat-tmiem skont ix-xewqa tiegħu.
st-08-2024-nomini-godda.pdf pdf · 168.33 KB Niżżel