Bl-għan li l-Poplu ta’ Alla miġbur fid-Djoċesi ta’ Għawdex jiġi megħjun bl-aħjar mod fil-mixja Nisranija tiegħu, skont il-bżonnijiet u l-esiġenzi attwali, qed jiġu mħabbra dawn in-nomini ġodda marbuta ma’ diversi ministeri fil-ħajja tal-Knisja f’Għawdex.
Fil-ħidma fi ħdan il-Kurja Djoċesana: Mons. Eddie Zammit (mix-Xewkija) – Kanċillier; u il-Kan. Joseph Zammit (minn San Ġorġ, il-Belt Victoria) – Vigarju Ġudizzjali tat-Tribunal Ekkleżjastiku.
Tliet komunitajiet parrokkjali ser ikollhom Ragħajja ġodda fil-bidu tas-Sena Pastorali 2021-2022: il-Kan. Anton Refalo Rapa (mix-Xagħra) – Kappillan tal-Parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu, il-Munxar; Dun Dominic M. Sultana (mix-Xagħra) – Kappillan tal-Parroċċa ta’ Kristu Ewkaristiku Salvatur, l-Għasri; u Mons. Edward Xuereb (mix-Xewkija) – Arċipriet tal-Parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni u San Ġużepp, il-Qala.
Minħabba esiġenzi pastorali, f’dawn ix-xhur bdew jew se jibdew il-missjoni pastorali tagħhom bħala Retturi: Dun Joseph Bajada (mix-Xagħra) – Rettur tal-Komunità ta’ Ġesù Nazzarenu, ix-Xagħra; Dun Injazju Borg (mix-Xagħra) – Rettur tal-Komunità tar-Ragħaj it-Tajjeb, il-Belt Victoria, u Direttur tad-dar għas-saċerdoti fi ħdan l-istess Ċentru Pastorali; Dun Joseph Farrugia (mill-Għarb) – Rettur tal-Komunità u l-Istitut tal-Familja Papa Ġwanni Pawlu II, il-Belt Victoria; il-Kan. Noel Saliba (miż-Żebbuġ) – Rettur tal-Komunità ta’ Santa Luċija; u Mons. Eddie Zammit (mix-Xewkija) – Rettur tal-Knisja tal-Madonna ta’ Pompej (tas-Sorijiet Dumnikani), il-Belt Victoria.
Saċerdoti oħra li ser ikunu qed jagħtu l-għajnuna tagħhom f’xi parroċċi flimkien ma’ ħidmiet oħra, huma: il-Kan. Geoffrey George Attard (minn San Ġorġ, il-Belt Victoria) – Kollaboratur fil-Parroċċa tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Fontana; Dun Joseph Attard (miż-Żebbuġ) – Vigarju Parrokkjali fil-Parroċċa ta’ Marija Mtellgħa s-Sema, fil-Katidral, il-Belt Victoria, kif ukoll Kappillan tal-Kor u Ċeremonier tal-Kapitlu Katidrali; Dun Krystof Buttigieg (mill-Qala) – Vigarju Parrokkjali fil-Parroċċa ta’ Marija Mtellgħa s-Sema, iż-Żebbuġ, kif ukoll jgħin fl-Uffiċċju Kateketiku fil-Kurja Djoċesana; Dun Noel Debono (min-Nadur) – Kollaboratur fil-Parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu, il-Munxar, kif ukoll Direttur tal-Istitut għall-Ministeru Pastorali (IPM); Dun Frankie Mallia (miż-Żebbuġ) – Kollaboratur fil-Parroċċa ta’ Marija Mtellgħa s-Sema, il-Katidral, il-Belt Victoria, kif ukoll Kappillan tal-Kor tal-Kapitlu Katidrali; Dun Michael Mifsud (mill-Għarb) – Vigarju Parrokkjali fil-Parroċċa ta’ Marija Bambina, ix-Xagħra; Dun Michael Said (min-Nadur) – Vigarju Parrokkjali fil-Parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni u San Ġużepp, il-Qala; u il-Kan. Edward Vella (mill-Għarb) – Kollaboratur fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb, minbarra l-ħidma pastorali li diġà qed iwettaq fil-Parroċċa tal-Madonna tas-Sokkors u San Girgor, Ta’ Kerċem.
Fil-ħidma pastorali bħala Diretturi Spiritwali fl-iskejjel: il-Kan. Alex Cauchi (mill-Għarb) u Dun Manwel Cutajar (minn San Lawrenz) – fl-iskejjel primarji kollha ta’ Għawdex; u Dun Vincent Pavia (mill-Katidral, il-Belt Victoria) – fil-Campus tal-MCAST, Għajnsielem.
Dawn il-ministeri ġodda fid-Djoċesi ta’ Għawdex jidħlu fis-seħħ nhar it-Tlieta 14 ta’ Settembru 2021, Festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes. Huwa fid-dawl tal-imħabba, murija fil-misteru tas-Salib ta’ Kristu, li kull ministeru fi ħdan il-Knisja għandu jsib iċ-ċentru u l-milja tiegħu waqt li jingħax bħala servizz u qadi għall-oħrajn.
Il-komunitajiet kollha huma mħeġġa sabiex matul dawn il-ġimgħat isir mument ta’ talb kemm fil-parroċċi u kemm fil-familji għal dawn ħutna, ħalli filwaqt li nweżnuhom u ngħinuhom bit-talb u l-għajnuna tagħna, il-Mulej Ġesù – li beda din l-opra tajba fihom –iwassalha sat-tmiem skont ix-xewqa tiegħu.
st-07-2021-nomini-godda-fid-djocesi-ta-ghawdex.pdf pdf · 323.31 KB Niżżel