Aqbeż għall-kontenut

Nomini Ġodda fid-Djoċesi ta’ Għawdex

Bl-għan li l-Poplu ta’ Alla miġbur fid-Djoċesi ta’ Għawdex jiġi megħjun bl-aħjar mod fil-mixja Nisranija tiegħu, skont il-bżonnijiet u l-esiġenzi attwali, qed jiġu mħabbra dawn in-nomini ġodda marbuta ma’ diversi ministeri fil-ħajja tal-Knisja f’Għawdex.

Komunità parrokkjali ser ikollha Ragħaj ġdid fil-bidu tas-Sena Pastorali 2022-2023:  il-Kan. Anthony Bajada (mix-Xagħra) – Kappillan tal-Parroċċa ta’ San Lawrenz, San Lawrenz.

Saċerdoti oħra li ser ikunu qed jagħtu l-għajnuna tagħhom f’xi Parroċċi flimkien ma’ ħidmiet oħra, huma:  Dun Roberto Gauci (minn Ta’ Kerċem) – Kollaboratur fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, limiti tal-Għarb;  Dun Frankie Mallia (miż-Żebbuġ) – Kollaboratur fir-Rettorija ta’ San Pawl Nawfragu, f’Marsalforn;  Mons. Joseph Zammit (minn San Ġorġ, il-Belt Victoria) – Kollaboratur fil-Parroċċa ta’ San Lawrenz, San Lawrenz.

Fil-ħidma pastorali bħala Diretturi Spiritwali fl-iskejjel:  Dun Joseph Mercieca (minn San Ġorġ, il-Belt Victoria) – f’Sir Michelangelo Refalo School for Further Studies (6th Form), il-Belt Victoria.

Ħidmiet ġodda oħra fuq livell Djoċesan:  il-Kan. Noel Saliba (miż-Żebbuġ), bħala Kordinatur tal-Gruppi Etniċi fid-Djoċesi u l-Pastorali mal-barranin fostna, kif ukoll Kordinatur fl-Istitut għall-Ministeru Pastorali (IPM); u  Dun Charles Sultana (mix-Xagħra), bħala Kap tal-Iskola tas-Seminarju Minuri tal-Qalb ta’ Ġesù, fejn beda l-ħidma tiegħu fil-ġimgħat li għaddew.

Dawn il-ministeri ġodda fid-Djoċesi ta’ Għawdex jidħlu fis-seħħ nhar l-Erbgħa 14 ta’ Settembru 2022, Festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes. Huwa fid-dawl tal-imħabba, murija fil-misteru tas-Salib ta’ Kristu, li kull ministeru fi ħdan il-Knisja għandu jsib iċ-ċentru u l-milja tiegħu waqt li jingħax bħala servizz u qadi għall-oħrajn.

Il-komunitajiet kollha huma mħeġġa sabiex matul dawn il-ġimgħat isir mument ta’ talb kemm fil-parroċċi u kemm fil-familji għal dawn ħutna, ħalli filwaqt li nweżnuhom u ngħinuhom bit-talb u l-għajnuna tagħna, il-Mulej Ġesù – li beda din l-opra tajba fihom –iwassalha sat-tmiem skont ix-xewqa tiegħu.

st-06-2022-nomini-godda-fid-djocesi-ta-ghawdex.pdf pdf · 238.35 KB Niżżel

Aqsam fuq