Aqbeż għall-kontenut

Ordnati tliet presbiteri ġodda għad-Djoċesi ta’ Għawdex

Nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Ġunju 2016, fis-6.30pm, fil-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria, l-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, mexxa l-Ordinazzjoni Presbiterali tad-djakni Joseph Attard (mill-Parroċċa tat-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija, iż-Żebbuġ), Massimo Buttigieg (mill-Parroċċa tat-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija – il-Katidral, il-Belt Victoria), u Mario Curmi (mill-Parroċċa tat-Twelid tal-Verġni Marija, ix-Xagħra).

Fost il-bosta saċerdoti konċelebranti, kien hemm ukoll l-E.T. Mons. George Bugeja OFM, Koadjutur tal-Vigarjat Appostoliku ta’ Tripli u Amministratur Appostoliku ta’ Benghazi, fil-Libja, li jinsab fi żjara ta’ ftit jiem f’Malta.

Fl-omelija tiegħu, l-Isqof Grech għamel riflessjoni fuq is-silta tal-Vanġelu minn San Ġwann (21:15-19), fejn Ġesù jistaqsi għal tliet darbiet lil Pietru jħobbux.

“Nistħajjel li f’qalbkom tistaqsu: Imma tgħid jien ħa nkun kapaċi nwassal sal-aħħar dan l-uffiċċju ta’ presbiteru? Kapaċi nwieġeb għall-aspettattivi dejjem ġodda tal-poplu ta’ Alla llum?”, qal l-Isqof lit-tliet ordinandi, waqt li rrikonoxxa li huma jħossu l-piż tal-wegħdiet li dalwaqt kienu sejrin jagħmlu.

Hu għamlilhom kuraġġ billi fakkarhom li l-Appostlu Pietru ma kienx ħafna aħjar minnhom, anzi kien f’sitwazzjoni agħar. Fil-fatt, din tal-Vanġelu kienet l-ewwel laqgħa li Pietru kellu ma’ Kristu wara li kien ċaħdu u abbandunah, u għalhekk nistgħu nimmaġinaw x’biża’ u tregħid kellu fuqu.

“L-istorja tagħna bit-tlugħ u l-inżul tagħha tista’ tkun tali li nibżgħu nersqu lejn Ġesù, għax bħal Pietru nimmaġinaw li Ġesù se jagħtina ċamata!”, kompla l-Isqof. “Imma l-Mulej Ġesù ma jiqafx jissorprendina bl-attitudni tiegħu. Dan il-fjask fil-ħajja ta’ Pietru ma żammx lill-Mulej milli jsejjaħlu u jagħżlu. U l-ewwel mistoqsija li għamillu kienet: Tħobbni int?”. Ġesù hu l-ħniena inkarnata li ddewweb id-dnub, id-dgħufija u n-nuqqas ta’ ħila tagħna.

“Ġesù li sejħilkom tkunu presbiteri tiegħu għandu l-qawwa ħanina li tinsa kull ‘delitt’ li tistgħu tagħmlu. Żbalji għad tagħmlu”, qal l-Isqof lit-tliet żgħażagħ, “imma ftakru li l-Mulej Ġesù ħaġa waħda jitlob minnkom: ‘Tħobbni int?’. Mil-laqgħa ta’ mħabba ma’ Kristu titlaq il-moralità kollha tal-ħajja tagħkom, għax dak li jagħmel xi ħaġa tajba mhumiex il-liġijiet imma l-esperjenza tal-imħabba li kapaċi tħit it-tiċrit.

L-Isqof kompla jħeġġeġ lill-presbiteri l-ġodda: “Bħalma għamel Pietru, ersqu intom ukoll lejn Kristu Rxoxt li b’mod misterjuż hu preżenti fil-Knisja li tagħha intom presbiteri. Agħmlu l-qalb! Ixħtu wara spallejkom kulma jista’ jaqtgħalkom qalbkom, anki d-dnub tagħkom, għax il-Mulej iħobbkom u kulma jitlob minnkom hi l-imħabba!”.

Lejn tmiem l-omelija l-Isqof Grech innota kif Kristu jixtieq li Pietru jħobbu bi mħabba totali, imma hu jitlaq dejjem mill-ħila tal-persuna, u allura lest jikkuntenta mqar b’inqas. L-importanti għalih hu li aħna nħobbuh, imbagħad bil-grazzja tiegħu jgħinna nikbru fi mħabbitna lejh.

“Din hi wkoll ċavetta tal-pastorali”, temm jgħid l-Isqof Grech. “Il-bniedem li għamel frakass minn ħajtu, jibża’ jersaq lejn Kristu. Għalhekk is-saċerdot irid jagħmlu preżenti, u meta jiltaqa’ ma’ sitwazzjonijiet konkreti fejn, għalkemm jixtieq li n-nies tħobb lil Alla b’mod sħiħ, dan ma jkunx possibbli, jgħinhom tal-inqas jagħtuh l-imħabba tal-ħbiberija, att li l-Mulej kapaċi jibdel fi mħabba perfetta”.

“Fil-bidu tal-ħajja presbiterali tagħkom nixteqilkom minn qalbi li tkunu barka għall-Knisja u għad-dinja”, għalaq l-Isqof.

Il-funzjoni kienet animata mill-Kor Djoċesan taż-Żgħażagħ taħt id-direzzjoni ta’ Dorienne Portelli.

Issa jmiss li fl-24 ta’ Ġunju, fl-istess Katidral, issir l-Ordinazzjoni Djakonali tas-seminaristi Michael Grima u Carl Scerri.

Bi tħejjija għaż-żewġ Ordinazzjonijiet, fis-Seminarju ta’ Għawdex nhar il-Ħamis 19 ta’ Ġunju filgħaxija nżammet Velja ta’ Talb li fiha l-Isqof stieden lill-ordinandi biex ixiddu l-libsa tal-umanità ħalli jistgħu jdewqu lill-bniedem tal-lum il-ħniena u l-imħabba ta’ Alla.

ordnati-tliet-presbiteri-godda-ghad-djocesi-ta-ghawdex.pdf pdf · 217.12 KB Niżżel

Aqsam fuq