Il-Ħadd 6 ta’ Ottubru 2024, permezz ta’ quddiesa ppreseduta mill-Isqof Awżiljarju ta’ Ruma Mons. Paolo Ricciardi, ingħata bidu uffiċjalment għas-servizz pastorali ta’ Dun Anthony G. Caruana, mill-Parroċċa tax-Xagħra, u ta’ Dun Andrew Grima, mill-Parroċċa ta’ San Lawrenz, bħala Kappillan u Vigarju Parrokkjali rispettivament tal-Parroċċa ta’ Sant’Injazju ta’ Antjokja, fil-kwartier ta’ Lo Statuario li jinsab fuq Via Appia Nuova, Ruma.
Din il-parroċċa għal bosta snin kienet immexxija minn kappillan Għawdxi u ilha żmien twil tilqa’ fiha saċerdoti mid-Djoċesi ta’ Għawdex. Dan l-aħħar, bi ftehim mal-Vigarjat ta’ Ruma, l-amministrazzjoni ta’ din il-parroċċa Rumana ġiet fdata lid-Djoċesi ta’ Għawdex bl-għan li sservi ta’ bażi għal saċerdoti Għawdxin li jkunu Ruma għal studju jew ħidma oħra.
Fil-quddiesa tal-inawgurazzjoni tal-ministeru pastorali kkonċelebraw ukoll l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma, l-Isqof emeritu ta’ Cagliari Giuseppe Mani, Mons. Ġużeppi Attard li serva bħala Kappillan hemmhekk għal fuq 30 sena, flimkien mas-saċerdoti Għawdxin li qdew jew qed jaqdu l-ministeru tagħhom f’Ruma. Dan sar fil-preżenza tal-familjari ta’ Dun Anthony flimkien mal-komunità parrokkjali ta’ Sant’Injazju.
st-11-2024-parrocca-f-ruma.pdf pdf · 120.91 KB Niżżel