Aqbeż għall-kontenut

Patri Giovanni Cefai Mssp Maħtur Isqof fil-Perù

Il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku għadu kemm ħatar lil Patri Govanni Cefai, tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, miż-Żebbuġ, Għawdex, bħala l-ewwel Isqof Prelat ta’ Huancané, il-Perù.

Patri Giovann twieled fil-5 ta’ Awwissu 1967. Hu attenda fl-Iskola Primarja taż-Żebbuġ (1972-1978) u mbagħad kompla bl-istudji Sekondarji fin-Nadur u l-Belt Victoria sal-1983. Wara li temm kors ta’ Inġinerija Mekkanika fl-Istitut Tekniku ta’ Għawdex, fl-1984 daħal fis-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, imwaqqfa mill-Qaddej ta’ Alla Mons. Ġużeppi De Piro, fid-dar tar-Rabat, Malta.

Beda n-novizzjat fl-1985, iż-Żebbuġ, u mbagħad bejn l-1986 u l-1988 kompla bl-istudji u l-formazzjoni tiegħu f’Campion House, Londra, waqt li ħadem pastoralment f’bosta ħabsijiet u qrib tal-foqra fit-toroq ta’ Londra. Mill-1990 sal-1996 studja l-Filosofija u t-Teoloġija fl-Università ta’ Malta. Fis-6 ta’ Diċembru 1997, ġie ordnat saċerdot fil-Katidral ta’ Għawdex, minn Mons. Nikol Ġ. Cauchi, Isqof ta’ Għawdex.

Wara l-Ordinazzjoni tiegħu kompla bl-istudji terzjarji fl-Università ta’ Malta u fl-1999 iggradwa b’Liċenzjat fit-Teoloġija Pastorali. Wara, serva għal sentejn bħala Direttur taċ-Ċentru Animazzjoni Żgħażagħ De Piro f’Malta. Fl-2000 mar l-Irlanda għal iktar studji u segwa kors fl-Edukazzjoni Pastorali Klinika (CPE). Lura Malta fl-2001, intbagħat il-Perù bħala missjunarju. Sena wara ġie maħtur bħala Kappillan fl-Arċidjoċesi ta’ Arequipa fejn għall-aħħar tmintax-il sena serva f’żewġ parroċċi differenti, Santa Cruz u San Pablo Apóstol. Fl-2010 hu nħatar Superjur Provinċjali tal-MSSP fil-Perù, fejn serva għal tliet termini konsekuttivi, disa’ snin b’kollox.

F’Novembru li għadda, hu laqa’ fil-Perù lil Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, għal Żjara pastorali fil-postijiet fejn saċerdoti Għawdxin qed iwettqu ħidma missjunarja f’isem il-Knisja.

Nhar l-Erbgħa 3 ta’ April 2019, il-Q.T. il-Papa Franġisku ħatru Isqof tal-Prelatura Territorjali ta’ San Ġakbu l-Appostlu, f’Huancané. Huwa l-ewwel Isqof ta’ din il-Prelatura ġdida, l-ewwel isqof mis-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, u l-ewwel isqof mir-raħal ċkejken taż-Żebbuġ, Għawdex.

Il‑Prelatura Territorjali ta’ Santiago Apóstol de Huancané, li waqqaf illum il-Papa Franġisku, hija ffurmata minn għoxrin parroċċa li fihom jgħixu ftit aktar minn 200,000 persuna li madwar 85% minnhom huma Kattoliċi. F’dan it-territorju, parti mill-Arċidjoċesi ta’ Arequipa, hemm ħmistax-il saċerdot u huwa mifrux fuq tmintax-il elf metru kwadru ta’ art.

L-aħbar ġiet ikkomunikata permezz tal-Bullettin tas-Sala Stampa tal-Vatikan illum f’nofsinhar: http://press.vatican.va/content/salastampa/it/bollettino/pubblico/2019/04/03/0282/00575.html.

st-03-2019-patri-giovanni-cefai-mssp-mahtur-isqof-fil-peru.pdf pdf · 214.66 KB Niżżel

Aqsam fuq