Nhar il-Ħadd 19 ta’ Marzu 2017, it-Tielet Ħadd tar-Randan, fil-knisja parrokkjali tax-Xagħra, waqt il-quddiesa tal-11.00am, Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, ser jilqa’ lis-seminarista Joseph Hili mill-Parroċċa tat-Twelid tal-Verġni Marija, ix-Xagħra, fost il-kandidati għall-Ordni Sagri.
Permezz tar-Rit tal-Ammissjoni li ser jiġi ċċelebrat waqt il-quddiesa, is-seminarista jistqarr pubblikament l-“Hawn jien” tiegħu biex iwieġeb għas-sejħa tal-Mulej u jafda l-ħajja tiegħu f’idejh hekk kif iħejji ruħu biex jirċievi l-Ordinazzjoni għad-Djakonat fil-15 ta’ Ġunju li ġej.
Min-naħa tagħha, anki l-Knisja, wara li għamlet l-istħarriġ meħtieġ fost il-Poplu ta’ Alla u d-dixxerniment meħtieġ fuq it-talba tal-kandidat, issa fil-persuna tal-Isqof tagħraf is-sejħa u l-idonjetà tal-kandidat għall-Ordinazzjoni Djakonali, hija u timpenja ruħha biex tkompli takkumpanjah matul il-mixja tal-formazzjoni tiegħu.
Il-Poplu Nisrani huwa mistieden irodd ħajr lil Alla għad-don tal-vokazzjoni ta’ dan ħuna, filwaqt li hu mħeġġeġ jakkumpanja bit-talb lilu u liż-żagħżagħ kollha li l-Mulej qed isejjaħ biex jimxu warajh u jkunu ministri tal-Knisja tiegħu.
st-05-2017-rit-tal-ammissjoni.pdf pdf · 207.31 KB Niżżel