Fl-aħħar ġimgħat ingħata bidu għas-sena l-ġdida ta’ formazzjoni fis-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù, fid-Djoċesi ta’ Għawdex.
Din is-sena, żewġ żgħażagħ qed jibdew il-mixja tagħhom fis-Seminarju, filwaqt li fil-fażi Propedewtika hemm ħames żgħażagħ.
Il-fażi Propedewtika hija żmien ta’ formazzjoni li fih iż-żagħżugħ, wara li jkun temm l-istudji postsekondarji, jiġi megħjun jirrifletti u jiddixxerni aħjar dwar is-sejħa vokazzjonali tiegħu qabel jiġi milqugħ biex jidħol fis-Seminarju Maġġuri. Id-Direttur ġdid tal-Propedewtika fid-Djoċesi ta’ Għawdex hu Dun Anthony Bajada.
Novità għad-Djoċesi ta’ Għawdex hi li wieħed mill-propedewtiċi l-ġodda li ser jirċievi l-formazzjoni hu mill-Vigarjat Appostoliku ta’ Izabal fil-Gwatemala, fejn hemm il-missjunarju Għawdxi Dun Anton Grech u fejn il-komunità tas-Seminarju Maġġuri wettqet ħidma missjunarja s-Sajf li għadda.
Fuq talba tal-Isqof ta’ Izabal, il-Knisja f’Għawdex ser toffri l-formazzjoni u tgħin lil dan iż-żagħżugħ fil-mixja tiegħu għas-saċerdozju. Dan hu wkoll f’kontinwazzjoni mas-sejħa tal-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech, f’dan il-150 anniversarju mill-ftuħ tas-Seminarju ta’ Għawdex, biex dan ikun “Seminarju missjunarju”.
Matul din is-sena ta’ dixxerniment vokazzjonali fis-Sena Propadewtika fid-Djoċesi ta’ Għawdex, Carlos Fernando Vargas Tobar, żagħżugħ ta’ 22 sena mill-Parroċċa ta’ Puerto Barrios, fil-Gwatemala, sa jkun residenti fid-Dar Parrokkjali tal-Parroċċa ta’ Santa Margerita, Ta’ Sannat, fejn jieħu sehem ukoll fil-ħajja pastorali ta’ dik il-komunità.
Il-Poplu ta’ Alla hu mħeġġeġ jitlob għal dawn iż-żgħażagħ u għal aktar vokazzjonijiet, filwaqt li jkompli jwieżen lis-Seminarju f’din il-ħidma hekk siewja għall-Knisja.
***
Talba għall-Vokazzjonijiet
Mulej Ġesù Kristu, nirringrazzjawk tal-ħarsa kollha mħabba li titfa’ fuq bosta żgħażagħ sabiex iħallu kollox u jimxu warajk. Agħmel li dawk li inti tagħżel għalik u ssejħilhom biex jibqgħu miegħek jagħrfu kemm tħobbhom u tgħożżhom, u bil-ferħ joffru ħajjithom għall-Evanġelju tiegħek. Sawwab l-Ispirtu Qaddis fuq il-Knisja tiegħek hija u tħejji ruħha għas-Sinodu li jmiss li ser jirrifletti fuq iż-żgħażagħ, il-fidi u d-dixxerniment vokazzjonali. Bl-interċessjoni ta’ Ommna l-Verġni Marija, nitolbuk tberikna b’saċerdoti u persuni kkonsagrati li bil-qdusija tagħhom jgħinuna fil-mixja tagħna lejn l-hena ta’ dejjem. Amen.
st-11-2017-studenti-godda-fis-seminarju-magguri-ta-ghawdex.pdf pdf · 214.55 KB Niżżel