Aqbeż għall-kontenut

Il-Food Bank

Il-Food Bank, fi ħdan l-Uffiċċju tad-Djakonija u l-Caritas, jikkontribwixxi biex jgħin persuni u familji li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà permezz ta’ għotjiet ta’ ikel miġbura mill-komunitajiet parrokkjali madwar Għawdex.

Il-parroċċi u l-knejjes jikkollaboraw f’ġabriet ta’ ikel matul in-Novena tal-Milied, ir-Randan, il-festi u f’okkażjonijiet oħra matul is-sena. Individwi u familji jistgħu wkoll jagħtu l-kontribut tagħhom billi jagħmlu donazzjonijiet ta’ ikel.

Il-Food Bank jitmexxa minn grupp ta’ voluntiera li jieħdu ħsieb il-ġbir, l-organizzazzjoni u d-distribuzzjoni tal-għajnuna, f’kollaborazzjoni mal-parroċċi u ma’ persuni oħra involuti fil-ħidma soċjali tal-Knisja. B’dan il-mod, is-solidarjetà tal-komunitajiet Għawdxin issir għajnuna konkreta għal dawk li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet u jkollhom bżonn l-appoġġ tal-komunità.

Ħobżna ta’ Kuljum

Il-Proġett Ħobżna ta’ Kuljum huwa proġett tal-Uffiċċju tad-Djakonija li joffri ikliet sħan lil persuni li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet jew jinsabu f’sitwazzjoni ta’ bżonn. Il-proġett jopera b’mod simili għal soup kitchen, billi jipprovdi ikel imsajjar u lest għall-persuni li jkollhom bżonnu.

L-ikel jitqassam tliet darbiet fil-ġimgħa mill-Kunvent ta’ San Franġisk, il-Belt Victoria, u jiġi ppreparat fil-kċejjen ta’ Villa San Lawrenz u Dar l-Arka.

Il-proġett huwa eżempju konkret ta’ kollaborazzjoni u solidarjetà fi ħdan il-Knisja f’Għawdex, fejn ir-riżorsi u s-servizzi ta’ entitajiet differenti jingħaqdu biex jagħtu għajnuna konkreta lil persuni fil-bżonn u joffrulhom appoġġ b’dinjità u rispett.