40 Sena tal-Forzi Armati
Azzjoni favur iż-żgħir
Fi żmien Kristu (Mt 8:5-13) kien hemm ċenturjun li kien imħasseb fuq il-kwalità tal-ħajja ta’ wieħed mill-qaddejja tiegħu. Iċ-ċenturjun jinkwieta meta l-ħajja ta’ wieħed mid-dipendenti tiegħu hi serjament mhedda mill-mard. Għax kellu fih dan is-sens etiku favur il-ħajja, iċ-ċenturjun aġixxa.
Għalkemm tista’ tidher azzjoni ordinarja li hu avviċina lil Ġesù ta’ Nazareth biex jitolbu jgħin lill-qaddej tiegħu biex ma jitlifx id-don tal-ħajja, fir-realtà kienet deċiżjoni azzardata u ta’ kuraġġ li tikkuntrasta ħafna mal-mentalità ta’ dak iż-żmien: iċ-ċenturjun kien pagan li mhux biss mar għand Lhudi, imma għand Kristu li kien skomdu anki għal-Lhud.
Għax kien determinat li jiddefendi l-ħajja, iċ-ċenturjun ħa deċiżjoni favur iż-żgħir, favur dak li ma kellux mezzi u kien dgħajjef. Iċ-ċenturjun ma marx jiddefendi l-ħajja ta’ xi fizzjal ieħor jew ta’ xi ħadd ikbar minnu; imma ħareġ għonqu biex jaqbeż għall-ħajja ta’ “qaddej”.
L-ewwel u qabel kollox dan kollu jfakkarni fid-dmir ta’ kull bniedem, partikularment tan-Nisrani, illi jiddifendi l-ħajja mill-mument tat-tnissil sat-tmiem naturali tagħha. Huwa fatt li llum dan il-prinċipju mhux paċifikament aċċettat minn kulħadd. Allaħares bħala nazzjon aħna nirreġistraw ċaqliq minn din il-pożizzjoni favur il-ħajja. Il-ħajja hija sagra u għandha tkun protetta dejjem u f’kull ċirkustanza.
Imbagħad din il-ġrajja li jirrakkonta Luqa għandha messaġġ partikulari għalikom, membri tal-Forzi Armati ta’ pajjiżna. F’dan iż-żmien ta’ paċi intom qed tapplikaw l-enerġiji tagħkom biex tiddefendu l-ħajja, speċjalment il-ħajja ta’ min hu dgħajjef jew vittma. Kemm ħajjiet umani kienu salvati mit-Taqsima Safety and Rescue fi ħdan il-Forzi Armati, ħafna drabi b’riskju kbir għall-istess ħajja tal-membri tal-Forzi Armati!
Imbagħad intom għandkom attività kontra t-traffikar tad-droga, sustanza omiċidjali li mhux biss tkisser u tgħaffeġ ħajjiet ta’ bnedmin, imma żżarma familji sħaħ. Nixhed għal dan jien b’esperjenza tiegħi propja. Huwa fatt li ġieli nisimgħu b’ħidma tagħkom li ta’ min ifaħħarha, meta tintervienu biex dawk li bla ebda skruplu jbiegħu l-velenu jiġu mrażżna.
Hemm imbagħad ħidma oħra tagħkom li tirrigwarda t-traffikar tal-persuni. Kemm nies sabu ruħhom taħt id-difrejn ta’ min, bla ħniena u bla kuxjenza, jirkeb fuq it-tamiet ta’ dawk il-persuni li jixtiequ jkollhom futur, jinnegozjahom u jitfagħhom f’nofs ta’ baħar bejn sema u ilma!
Jien nirrikonoxxi l-ħidma sfiqa u nobbli li intom tagħmlu biex issalvaw dawn il-ħajjiet, partikularmanet kontra t-traffikar tad-droga u tan-nies. Nirrealizza li kif iċ-ċenturjun kellu jieħu deċiżjoni kuraġġjuża u azzardata, bir-riskju li l-opinjoni pubblika setgħet daret kontrih, hekk ukoll jista’ jiġri lilkom meta tiġu biex tieħdu deċiżjonijiet tqal f’dawn l-oqsma.
Theddid għall-ħajja llum
Fl-ewwel ktieb ta’ Sanwel (17:1-10) niltaqgħu ma’ Gulija, li kien theddida għall-ħajja tan-nies ta’ Israel. Gulija mhux biss figura storika, imma huwa “persunaġġ” kontemporanju li għadu jrid jeqred il-ħajja! U l-membri tal-Forzi Armati, li bħal David huma ċkejknin u għandhom mezzi modesti biex jiddefendu l-ħajja, għandhom l-impenn li jieqfu lil Gulija tal-lum biex ma jkomplix jagħmel ħerba mill-ħajjiet tal-bnedmin.
Nara lil Gulija fl-elementi tan-natura. Waqt li f’jiem ta’ maltemp ħafna jkunu għall-kenn tad-dar, intom ġieli jkollkom tissieltu mal-qilla tal-baħar biex issibu u ssalvaw ħajja umana!
Imma mbagħad hemm Gulija li għandu wiċċ uman. Hemm organizzazzjonijiet li, għax għandhom il-flus, jippruvaw jikkorrompu lil min jista’ jiqfilhom fl-attività kriminali tagħhom. Hemm oħrajn li jużaw l-arma tat-terroriżmu biex jintimidaw u jbeżżgħu lil min għandu r-rieda u d-dmir li jsalva l-ħajja. Imbagħad jeżistu wkoll dawk li jfittxu u jiksbu protezzjoni amministrattiva jew politika biex ikollhom pjazza nadifa, biex ma jkollhomx xkiel fit-traffikar tad-droga u tal-persuni.
Dan huwa Gulija li tridu taffrontaw illum. Taqtgħux qalbkom quddiemu. Napprezza l-impenn tal-Istat li, permezz tal-Forzi Armati u l-Korp tal-Pulizija, qed jindirizza dawn il-problemi. Konvint li f’dawn l-istituzzjonijiet hemm persuni onesti, validi u ġentlomi li jridu jiddefendu l-ħajja.
Nuqqasijiet ta’ responsabbiltà
Imma l-fatt li llum f’pajjiżna d-droga tista’ tinkiseb b’faċilità u sikwit ikollna nerfgħu vittmi ġodda mill-art, u l-fatt li l-baħar għadu qabar miftuħ biex jidfen tant persuni involuti fit-traffikar klandestin, ifissru li hemm min suppost qed jgħasses imma xi darba qed jongħos!
Fi kliem l-Appostlu Missierna (Ef 6:10-18), nawgura lill-membri tal-Forzi Armati li jxiddu l-armatura ta’ Alla: min m’għandux lil Alla diffiċli jkollu sens etiku f’ħajtu u fl-istrutturi li jħaddem. Inħeġġiġkom biex ikollkom ġenbejkom imħażżmin bil-verità fuq il-valur assolut ta’ kull ħajja. Inħeġġiġkom tilbsu l-kurazza tal-ġustizzja li tagħti lil kulħadd dak li ħaqqu mingħajr ma tħares lejn il-kulur tal-ġilda jew il-pożizzjoni socjali ta’ dak li jkun. Il-ġustizzja trid tkun imsieħba mill-imħabba, peress li xi darba l-ġustizzja legali waħidha mhix biżżejjed: “summum ius, summa iniuria!”. L-imħabba tisboq il-ġustizzja. L-imħabba, li hija msieħba mill-ħniena u s-solidarjetà, hija l-qofol tal-ġustizzja.
B’dan il-mod il-Forzi Armati jkomplu joffru garanzija għall-ħarsien tal-ħajja taċ-ċittadini, u l-istorja tagħhom tkun glorjuża kif kienet matul dawn l-erbgħin sena li ilhom imwaqqfa.