Aqbeż għall-kontenut

Is-Saċerdot Ħajjat tar-Relazzjonijiet Imqattgħa

Qegħdin niċċelebraw din l-Ordinazzjoni Presbiterali fis-solennità tat-Trinità Qaddisa. Kif jgħidulna s-Santi Padri, fosthom San Illarju u Sant’Ambroġ, l-ewwel ikona Biblika tal-misteru ta’ Alla Wieħed fi Tliet Persuni nsibuha fil-Ktieb tal-Ġenesi, meta Abraham kellu dik iż-żjara tat-tliet persuni f’Mamri (ara Ġen 18). Għalkemm kienu tlieta, Abraham jindirizzahom fis-singular daqslikieku kienu persuna waħda. Għalhekk hawnhekk il-Missirijiet tal-Knisja jaraw bħal dell ta’ dak li mbagħad fissrilna b’mod aktar ċar il-Mulej Ġesù, jiġifieri li aħna naduraw Alla Wieħed fi Tliet Persuni: il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.

Issa fl-istorja tal-arti hemm żewġ artisti Russi illi nnamraw ma’ dik l-ikona taż-żjara tat-tliet anġli lil Abraham. Hemm il-pittur famuż Andrei Rublev, li kien jgħix bejn is-sekli erbatax u ħmistax, li jagħtina ikona sabiħa ħafna ta’ din l-esperjenza. Huwa jpitter it-tliet anġli fuq sfond tad-deheb imdawrin ma’ mejda. Jgħaddi ftit taż-żmien mhux ħażin u fis-seklu għoxrin jitfaċċa artist Russu ieħor, Marco Chagall, li kien ta’ twemmin Lhudi. Dan jagħtina opra ta’ arti oħra biex jiddeskrivi din l-esperjenza qawwija li Abraham għamel ta’ Alla; imma dan l-artist jirrappreżenta din il-ġrajja b’mod differenti minn Rublev. Chagall ineħħi l-isfond tad-deheb u floku jpoġġi sfond aħmar. Ma narawx wiċċ l-anġli, għax jagħtuna daharhom. Il-mejda hija moħbija. Dawk li jinterpretaw il-messaġġ spiritwali li hemm fl-arti jgħidu li din l-interpretazzjoni artistika ta’ Chagall hija differenti minn dik ta’ Rublev għaliex maż-żmien il-bniedem inbidel. F’dawk is-sekli, jiġifieri mill-1400 sas-seklu għoxrin, l-umanità għamlet bidla kbira.

Fi żmien Rublev il-bniedem kellu ċerta intimità ma’ Alla, Alla kien kollox għalih. Bħal Abraham, il-bniedem kien jaf joħloq spazju fid-dar tiegħu biex Alla Trinità jifrex il-mejda tiegħu għandu. Il-ħajja tal-bniedem kienet minsuġa f’relazzjoni ma’ Alla, kif jirrifletti l-isfond tad-deheb – sinjal artistiku ieħor biex jgħinna nifhmu x’rikkezza hemm għall-bniedem li qed jgħix fi ħbiberija ma’ Alla.

F’kuntrast ma’ dan kollu hemm is-seklu għoxrin – iż-żmien tagħna llum li, skont Chagall, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla mhux żmien tad-deheb imma huwa tiċpisa ħamra. Il-kulur l-aħmar ifisser ċertu periklu, ċerta konfużjoni. L-artist Chagall għalhekk jaħbi l-wiċċ ta’ Alla rappreżentat fit-tliet anġli – mhux għax Alla jaħbi wiċċu mill-bniedem, imma għax huwa l-bniedem li tefa’ għamad fuq wiċċ Alla. L-istorja li qed tintiseġ illum m’għadhiex l-istorja ta’ qabel li ngħixuha f’relazzjoni ma’ Alla u bejnietna. F’diversi waqtiet seħħew tiċritiet fir-relazzjonijiet. Fejn qabel il-mejda kienet mifruxa għal kulħadd, illum il-mejda nħbiet minn għajnejna u ma għandniex post fejn niltaqgħu flimkien biex niċċelebraw il-komunjoni ta’ bejnietna. Wisq agħar minn hekk, ħafna ma għadhomx jaraw il-mejda Ewkaristika.

F’dan il-kuntest nixtieq nagħmel riflessjoni qasira fuq il-ministeru saċerdotali li int, għażiż Gabriel, sejjer tirċievi llum.

Kemm hu importanti li l-bniedem tal-lum mhux biss jgħid li jemmen f’Alla, imma jkun jaf min hu dan Alla! Huwa fatt li diġà llum irridu nagħmlu sforz ħalli nagħmlu wisa’ għal Alla fil-ħajja; imma rridu nagħmlu sforz ikbar biex nagħrfu l-identità ta’ Alla: il-Missier; l-Iben tiegħu, Ġesù Kristu, il-Feddej tagħna; u l-Ispirtu s-Santu li, kif tħabbrilna fil-Vanġelu tal-lum, il-Mulej bagħtu biex b’mod pedagoġiku jgħinna naslu biex nagħrfu l-verità kollha. Din il-verità mhix biss dwar Alla, imma hija wkoll dwar il-bniedem. Hija l-vokazzjoni u l-missjoni tas-saċerdot illi bħala wieħed magħżul minn fostna għal Alla, huwa jiddedika ħajtu, l-enerġija kollha tiegħu biex lilna l-bnedmin iħabbrilna din il-verità dwar Alla, dwar Ġesù Kristu, dwar l-Ispirtu s-Santu, biex hekk inneħħu dak l-għamad illi tqiegħed fuq wiċċ Alla. Meta ma narawx il-wiċċ ta’ Alla, aħna qegħdin inċaħħdu lilna nfusna milli naraw il-ġmiel tal-bniedem. Qabel ma hija verità etika, din hija verità teologali li tirrakkontalna li Alla huwa komunità personali li l-imħabba li hemm fiha tfawwar fuq il-bnedmin.

Imma fit-Trinità Qaddisa hemm aspett partikulari li nħeġġek taħdem fuqu, għażiż saċerdot novell. Aħna nemmnu li hemm Alla Wieħed fi Tliet Persuni ndaqs f’kollox u li bejniethom hemm komunjoni perfetta msejsa fuq relazzjonijiet armonjużi. Naħseb illi lkoll tħossu miegħi jekk ngħid kemm għandna bżonn illum il-ġurnata li nikkontemplaw din il-familja divina, u dan għaliex nixxenqu bil-kbir biex bejnietna wkoll ikollna dawn ir-relazzjonijiet tajbin.

Għalhekk, fid-dawl ta’ dan il-misteru tat-Trinità, nawguralek, għażiż presbiteru ġdid, li titħarreġ fl-arti tal-insiġ. Inti trid tkun nissieġ jew ħajjat ta’ Alla illi tħit dawk ir-relazzjonijiet li m’għadhomx hemm, li tqattgħu jew iċċartu. Jiena nħeġġek ħalli tkun espert kif tinseġ din il-libsa l-ġdida, dawn ir-relazzjonijiet ġodda. Tinsiex dak li jgħidilna Ġesù fil-Vanġelu, li “ħadd ma jraqqa’ libsa qadima b’biċċa drapp ġdida, għaliex inkella r-roqgħa ssellet il-libsa u t-tiċrita tikber” (Mt 9:16). Jien nibża’ li fil-Knisja aħna nedhew insewwu bi drapp ġdid il-libsa l-qadima, allura forsi għalhekk ukoll ir-relazzjonijiet tagħna huma daqshekk foqra u jiċċartu malajr. Huwa evidenti li ċerti affarijiet – bħalma huma xi għażliet pastorali, is-soluzzjonijiet li noffru, ir-ritwali, u l-bqija – tant qdiemu li mhux biss iċċartu, imma għadda żmienhom; imma hemm min irid jibqa’ kkatnat magħhom! Nippruvaw inraqqgħu billi nintroduċu xi element ġdid, imma essenzjalment kollox jibqa’ qadim!

Kieku nixtieqek taqbad il-labra u tinseġ jew tħit flimkien dawn ir-relazzjonijiet…

L-ewwel nett it-tiċrita li hemm fil-qalb tagħna l-bnedmin, tiegħi inkluża. Kull wieħed u waħda minna huwa misteru. Veru li qegħdin niċċelebraw il-misteru tat-Trinità, imma l-misteru l-kbir huwa l-bniedem; u jekk ma joqgħodx għassa fuqu nnifsu, il-bniedem jara qalbu tiċċarrat. Hemm każi fejn hu stess ċarratha, imma mbagħad ħafna drabi jsib min iċarrathielu jew jiftaħhielu beraħ. Għalhekk nistenna minnek, għażiż saċerdot, illi b’din il-missjoni ġdida li l-Mulej qiegħed jafdalek, inti tkun ħajjat tal-qlub imċarrta ħalli bl-azzjoni u l-kelma saċerdotali tiegħek tgħinna nagħrfu aħna min aħna.

Imbagħad hemm ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla. Aħna llum qegħdin ngħixu fid-dinja kif interpretata minn Chagall, fejn ċarratna r-rabta tagħna ma’ Alla, u ladarba nqtajna mill-misteru ta’ Alla Trinità, lanqas għandna l-ħila li nifhmu l-misteru tagħna nfusna. Il-ministeru tiegħek bħala saċerdot huwa dak li tgħinna ninsġu u nħitu mill-ġdid din ir-relazzjoni ġdida tagħna ma’ Alla, partikularment billi twasslilna l-Kelma tal-Mulej li hija bħal ħajt tad-deheb li l-Knisja qiegħda tafda f’idejk. Hawnhekk inħeġġek biex toqgħod attent u ma ċċedix għat-tentazzjoni li traqqa’ l-libsa l-qadima bi drapp ġdid – imma bil-formazzjoni kontinwata tiegħek, kompli akkwista l-aħjar ħjut u tħarreġ fis-sengħa pastorali biex tgħinna ninsġu libsa ġdida.

Imbagħad nixtieqek ukoll tuża din is-sengħa tal-insiġ jew tal-ħjata biex issewwi r-relazzjonijiet tal-familji tagħna. Jekk irridu nkunu saċerdoti veri ta’ Kristu, ma nistgħux inkunu indifferenti quddiem dan it-tiċrit fil-familji tagħna. Kun af li hawnhekk jiena qed inwassallek karba tal-poplu tagħna u nitolbok ħalli tħaddem il-ministeru saċerdotali tiegħek biex tgħinna ħalli l-familji jirkupraw dak l-ekwilibriju tar-relazzjonijiet b’saħħithom fi ħdanhom stess u bejniethom.

Imbagħad hemm ir-relazzjonijiet imqattgħin fil-ħajja soċjali tagħna. Kuntrarjament għal dak li bassru oħrajn, id-differenzi fis-soċjetà mhux naqsu imma qed jikbru, għaliex min għandu qed jitkattarlu u min m’għandux qed ikomplu jnaqqruhulu. Dan it-trattament inġust iġib aktar tiċrit fin-nisġa soċjali tagħna. Għalhekk anki int, għażiż saċerdot, inti msejjaħ biex b’fedeltà għall-ministeru tiegħek, mingħajr ma titħallat f’azzjoni politika, inti tikkontribwixxi biex it-tiċrit tas-soċjetà kemm jista’ jkun ikompli jissewwa.

Imbagħad, anki jekk b’għafsa ta’ qalb, ma nistax ma nsemmix it-tiċrit tal-Knisja: għandna tiċrit fil-presbiterju tagħna, bejn il-lajċi u l-presbiteri, fl-istess komunitajiet parrokkjali, bejn komunità u oħra, u aktar. Imma jien għandi fiduċja fik u f’ħutna s-saċerdoti li jekk aħna nkunu fidili għas-sejħa li għamlilna l-Mulej, jekk nagħrfu naqdu b’mod responsabbli s-sejħa tagħna, aħna mhux biss ma nkunux minn dawk li jagħmlu t-tiċrita, imma nkunu dawk li jsewwu dak it-tiċrit ħalli l-Knisja wkoll tkun liebsa libsa ġdida mingħajr tebgħa, tikmixa jew qasma.

Jekk bl-għajnuna tas-saċerdoti tagħna aħna nagħrfu nfejqu dawn ir-relazzjonijiet li semmejna u jkollna dik l-armonija u l-komunjoni li hemm fit-Trinità Qaddisa, allura mbagħad anki l-istess mejda tal-Ewkaristija tinkixef għal għajnejna, u l-Mulej jerġa’ jarma din il-mejda biex tkun il-mument l-aktar għażiż fejn aħna niċċelebraw il-komunjoni tagħna – fejn aħna niċċelebraw dawn ir-relazzjonijiet tagħna ma’ Alla u ma’ xuxlin.

Għażiż Gabriel, jiena poġġejtek taħt il-patroċinju tal-Omm tagħna Marija, il-ħajjata per eċċellenza, li wara li nisġet il-libsa tagħha, imbagħad ħietet libsa għall-umanità meta tatna lil Ġesù Kristu. Jiena għandi fiduċja li bl-għajnuna tal-grazzja, bl-għajnuna materna ta’ Marija u bid-disponibbiltà u l-kwalitajiet li inti għandek, int tista’ tagħti s-sehem tiegħek biex l-umanità ta’ żmienna teħles minn ċertu tiċrit fil-ħajja tagħha.

pdf · 65.27 KB Niżżel