Il-Formazzjoni Nisranija
Il-formazzjoni fil-fidi tat-tfal hija parti essenzjali mill-missjoni kateketika tal-Knisja f’Għawdex. Permezz ta’ dan il-ministeru, il-katekisti jakkumpanjaw lill-ġenituri biex it-tfal jiltaqgħu ma’ Ġesù Kristu, jiġu megħjuna jsiru jafu u jifhmu l-fidi Kattolika, u jikbru fil-ħajja Nisranija tagħhom fil-Knisja u fis-soċjetà.
It-tagħlim isir prinċipalment fiċ-Ċentri tal-Katekiżmu tal-parroċċi u fl-Oqsma tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (MUSEUM). Il-katekeżi titmexxa minn katekisti u soċji – fil-parti l-kbira lajċi – li jagħtu s-servizz tagħhom b’impenn, u ssir f’kollaborazzjoni mal-parroċċa u mal-ħidma kateketika tad-Djoċesi.
Il-formazzjoni tħares lejn it-tfal b’mod integrali u tinkludi t-tagħlim tal-Iskrittura u tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika: it-talb, is-sagramenti, il-ħajja morali u l-għixien konkret tal-Vanġelu fl-għażliet ta’ karità. Tingħata attenzjoni partikulari lit-tħejjija għas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni tal-Ewkaristija u tal-Griżma tal-Isqof kif ukoll għall-formazzjoni kontinwa u ħolistika fit-tfulija u fl-adolexxenza.
L-għan tal-katekeżi mhuwiex biss li t-tfal jakkwistaw tagħrif dwar il-fidi, iżda li tiġi offruta lilhom dik l-esperjenza ħajja li tgħinhom jiltaqgħu ma’ Kristu, jikbru fl-imħabba lejh u lejn il-Knisja, u jgħixu l-fidi tagħhom fil-ħajja ta’ kuljum l-iktar bis-sehem fil-Liturġija u fil-qadi. B’dan il-mod, iċ-ċentri tad-duttrina u l-MUSEUM jikkontribwixxu b’mod importanti għall-formazzjoni umana u Nisranija tat-tfal u għall-ħajja tal-komunità parrokkjali.
Ambjent sigur u safeguarding
Parti integrali mill-ħidma mal-minuri hija l-ħolqien u ż-żamma ta’ ambjent sigur, rispettuż u ta’ fiduċja, fejn kull tifel u tifla jkunu jistgħu jikbru u jitgħallmu mingħajr biża’ u b’rispett sħiħ lejn id-dinjità tagħhom. Il-Knisja f’Għawdex hija impenjata li tipprevjeni kull forma ta’ abbuż, sfruttament jew trattament ħażin tal-minuri u li tħares il-benesseri u s-sigurtà tagħhom f’konformità mal-liġijiet tal-pajjiż.
Il-katekisti, l-edukaturi u dawk kollha li jaqdu lit-tfal huma msejħa jaġixxu b’responsabbiltà, prudenza u rispett, u josservaw il-policies u l-proċeduri ta’ safeguarding tal-Knisja. Il-protezzjoni tat-tfal mhijiex biss obbligu regolatorju, iżda espressjoni konkreta tal-missjoni Nisranija u tal-għożża li l-Knisja għandha lejn kull tifel u tifla