L-iskejjel tal-Knisja f’Għawdex jagħmlu parti mill-missjoni edukattiva tal-Knisja u jfittxu li joffru lill-istudenti formazzjoni sħiħa tal-persuna bbażata fuq Ġesù Kristu. L-edukazzjoni titqies bħala proċess li jgħaqqad l-iżvilupp akkademiku mal-formazzjoni umana, soċjali, affettiva u spiritwali u tgħin lit-tfal jikbru fil-kapaċitajiet li Alla żejjinhom bihom, jiżviluppaw il-personalità tagħhom, jitgħallmu jgħixu f’relazzjoni ta’ rispett u solidarjetà mal-oħrajn, u b’hekk jintegraw il-fidi tagħhom fil-ħajja ta’ kuljum.
Il-formazzjoni Nisranija, il-qalba u l-għerq tal-iskejjel Kattoliċi, tgħin lill-istudenti jiskopru lil Alla u l-imħabba tiegħu, isiru jafu lil Ġesù Kristu u l-Vanġelu, u jikbru fil-ħajja tat-talb u fil-valuri Nsara. Permezz tal-edukazzjoni reliġjuża, iċ-ċelebrazzjoni tal-liturġija, it-talb, l-attivitajiet pastorali u x-xhieda tal-komunità skolastika, l-iskejjel ifittxu li jgħinu lit-tfal jibnu relazzjoni personali ma’ Kristu u mal-oħrajn.
L-iskejjel Kattoliċi jħarsu lejn kull tifel u tifla bħala persuna unika, maħluqa fuq ix-xbieha ta’ Alla u mogħnija b’dinjità u talenti partikulari. Għalhekk, il-formazzjoni tfittex li tgħin lit-tfal jikbru bħala persuni responsabbli, isiru ħassieba kritiċi, ħielsa, sensittivi għall-bżonnijiet tal-oħrajn u tal-ambjent u kapaċi jagħtu sehemhom fil-familja, fil-Knisja, u fis-soċjetà.
L-iskejjel huma impenjati li jippromovu kultura ta’ inklużjoni, fejn kull tifel u tifla jintlaqgħu b’rispett u jingħataw l-opportunitajiet meħtieġa biex jipparteċipaw bis-sħiħ fil-ħajja tal-iskola, skont il-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet tagħhom. B’kollaborazzjoni mal-familji u mal-professjonisti involuti, l-iskejjel ifittxu li joħolqu ambjent li jilqa’, jappoġġja, u jagħti valur lil kull persuna. Is-Servizzi Soċjali fi ħdan l-iskejjel Kattoliċi jikkontribwixxu bi sħiħ għat-twettiq tal-missjoni u l-ħidma tagħhom, li joffru edukazzjoni li tgħaqqad il-formazzjoni akkademika, umana, soċjali u Nisranija.
F’Għawdex hemm erba’ skejjel primarji tal-Knisja, waħda mmexxija mid-Djoċesi u l-oħrajn minn Ordnijiet Reliġjużi.
Flimkien, dawn l-iskejjel jikkontribwixxu għall-missjoni tal-Knisja f’Għawdex billi joffru ambjent edukattiv li fih it-tfal jistgħu jitgħallmu, jikbru, jiskopru l-fidi u jiżviluppaw il-potenzjal kollu tagħhom bħala persuni maħbubin minn Alla u msejħin biex jgħixu għall-ġid tal-oħrajn.