Kunsens

Dan is-sit juża servizzi ta’ terzi li jeħtieġu l-kunsens tiegħek. Sir af aktar

Aqbeż għall-kontenut

Din is-sena jaħbat għeluq il-120 sena mit-twelid u l-25 sena mill-mewt ta’ Pia…

Sors: Facebook

Din is-sena jaħbat għeluq il-120 sena mit-twelid u l-25 sena mill-mewt ta’ Pia Tavernelli, il-fundatriċi tal-Istitut Sekulari Spigolatrici della Chiesa.

Għal din l-okkażjoni, il-Ħadd 1 ta’ Novembru saret Konċelebrazzjoni fil-Konkatidral ta’ San Ġwann bħala ringrazzjament ’l Alla b’mod partikolari għad-don tal-ħajja ta’ Pia u għal dak li għamel magħha, b’talba flimkien biex inpoġġu l-imħabba fejn m’hemmx imħabba u nħallu l-imħabba tagħna lejn Ġesù Ewkaristija tħeġġiġna biex inħobbu lill-persuna nieqsa mill-imħabba.

Ippresieda l-quddiesa l-Arċisqof Mons. Filippo Iannone, li huwa l-Prefett tad-Dikasteru tal-Isqfijiet u Assistent Ekkleżjastiku tal-Istitut Spigolatrici della Chiesa. Ikkonċelebraw miegħu n-Nunzju Apostoliku għal Malta, l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma, l-Isqof Awżiljarju ta’ Malta, u saċerdoti oħra.

Pia Tavernelli twieldet fis-16 ta’ Awwissu 1906 fil-belt ċkejkna ta’ Citerna, l-Italja, u mietet fit-23 ta’ Ottubru 2001 fl-età ta’ 95 sena. Għexet ħajja ta’ talb u appostolat qalb in-nies. Fir-raħal ċkejken ta’ Lippiano, l-Italja, Pia kienet taħdem ħafna għall-evanġelizzazzjoni tal-poplu li kien nieqes minn ħtiġijiet materjali u spiritwali. Ħassitha ħaġa waħda man-nies tar-raħal tant li kienet tħoss li d-djar tagħhom kienu saru darha. Xi nisa oħra kienu jgħinuha fl-appostolat tagħha. Minn din it-tip ta’ ħajja li kienet tgħix ġiet ispirata li twaqqaf l-Istitut Spigolatrici della Chiesa, li hu Istitut ta’ ħajja kkonsagrata fid-dinja fejn il-membri tiegħu, filwaqt li jikkonsagraw lilhom infushom lil Alla, jibqgħu jgħixu qalb in-nies u jkunu xhieda tal-ħajja tal-Vanġelu.

Pia kellha mħabba kbira lejn Ġesù Ewkaristija. Din l-imħabba mħeġġa kienet tqanqalha biex tħobb lil Ġesù fl-oħrajn, l-aktar f’dawk il-persuni li huma neqsin mill-imħabba fl-oqsma diversi tas-soċjetà. Din l-ispiritwalità u l-kariżma Pia għaddietha lill-Ispigolatrici li jgħixuha fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Dan jagħmluh b’mod partikulari fid-dinja tax-xogħol fejn huma msejħa biex jgħixu l-valuri Nsara. Fl-ambjenti li jkunu, jagħtu attenzjoni partikolari lill-persuna mwarrba.

L-Istitut Spigolatrici della Chiesa beda fl-Italja u hu mifrux f’diversi pajjiżi tad-dinja, fosthom f’Malta u Għawdex.

Aqsam fuq