Sors: Facebook
Hekk kif bdiet Sena Pastorali ġdida, f’Għawdex reġgħu bdew l-inizjattivi djoċesani favur il-familja. L-ewwel appuntament kien mal-koppji fl-ewwel ħames snin taż-żwieġ permezz tas-sensiela ta’ inizjattivi għalihom Ngħidu 4 kelmiet bejnietna. Is-suġġett tal-laqgħa li nżammet nhar is-Sibt 17 ta’ Ottubru, f’Dar Manresa, kien: ‘Il-Komunikazzjoni bejnietna u mat-tfal’.
Bl-għajnuna ta’ eżerċizzji fil-komunikazzjoni, megħjuna mill-Isqof Anton Teuma, il-koppji li attendew ingħataw esperjenza prattika tal-importanza tad-djalogu fil-ħajja tagħhom bħala koppja. Ingħataw ukoll il-possibbiltà jifhmu aktar l-importanza tas-smigħ attent u mingħajr preġudizzju, u tal-kondiviżjoni tal-esperjenzi li jkunu għaddejjin minnhom.
Irriflettew ukoll dwar il-komunikazzjoni non-verbali mat-tfal żgħar. Ġie diskuss kif filwaqt li t-tfal jikbru u jitgħallmu billi jikkuppjaw diversi aspetti tal-ġenituri tagħhom, il-ġenituri wkoll, waqt li josservaw lil uliedhom, jistgħu jagħrfu aktar lilhom infushom (two-way mirroring).
Wara l-laqgħa diversi mill-koppji u familji żgħażagħ li attendew baqgħu ‘jgħidu erba’ kelmiet bejniethom’ u jieħdu xi ħaġa tal-ikel flimkien fil-ġnien ta’ Dar Manresa.
Din l-attività kienet l-ewwel waħda mis-sensiela ta’ appuntamenti djoċesani Ngħidu 4 kelmiet bejnietna li ser ikunu qed jiġu organizzati matul din is-Sena Pastorali. Il-koppji fl-ewwel ħames snin taż-żwieġ huma lkoll mistiedna japprofittaw minn dawn l-okkażjonijiet ta’ formazzjoni u mumenti ta’ mistrieħ flimkien!
📸 Monica Grima