Sors: Facebook
Nhar il-Ġimgħa li għaddiet, 16 ta’ Ottubru, inżammet f’Għawdex l-Assemblea Djoċesana bit-tema “Għarfuh fil-Qsim tal-Ħobż” (Lq 24:35) fil-ftuħ ta’ Sena Pastorali ġdida, li għaliha attendew membri tal-kleru, tal-Kunsilli Pastorali Parrokkjali u s-Segreteriji Parrokkjali, diriġenti tal-għaqdiet u operaturi pastorali, kif ukoll dawk li fl-aħħar xhur ħadmu fuq l-istħarriġ li nżamm fid-Djoċesi ta’ Għawdex.
Wara mument ta’ talb immexxi mis-Segretarju Pastorali Djoċesan Mons. Joseph Sultana, ingħatat analiżi tajba tar-riżultati tal-istħarriġ li sar fost familji Għawdxin fix-xhur li għaddew dwar il-qagħda tal-ħajja tal-fidi fi gżiritna.
Wara, l-Isqof Anton Teuma introduċa fid-dettall il-Pjan Pastorali 2026-2027, li qed jiffoka fuq l-Ewkaristija u l-Quddiesa tal-Ħadd. Huwa semma diversi inizjattivi proposti u stieden lil kulħadd biex jara l-fuljett li qed jitqassam mal-Bullettin u jgħarbel x’jista’ jkun is-sehem tiegħu.
L-Assemblea għalqet bit-tnedija tal-websajt il-ġdida tad-Djoċesi, u spjega tas-servizzi li toffri minn Francesco Pio Attard, www.churchingozo.mt, mill-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni u l-Midja tad-Djoċesi.
Wara, fl-istess sala tal-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof, dawk preżenti baqgħu għal mument ta’ fraternità u bibita flimkien. Kull min attenda, ġie mogħti kopja tas-Sussidju dwar l-Ewkaristija li għadu kemm ġie ppubblikat mis-Segreterija Pastorali u Lumen Christi Publications.