Sors: Facebook
Nhar il-Ħamis 5 ta’ Novembru 2026, fis-sala prinċipali ta’ Dar Manresa, il-Belt Victoria, inżammet il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Istitut għall-Ministeru Pastorali flimkien maċ-Ċerimonja tal-Gradwazzjoni tal-istudenti li temmew b’suċċess il-korsijiet li ġew organizzati mill-istess istitut matul is-sena 2025.
Fil-bidu saru indirizzi lil dawk preżenti minn Dr Joe Azzopardi, Ċermen tal-Bord tal-Gvernaturi tal-IPM, kif ukoll mid-Direttur tal-IPM Mons. Joseph Sultana. Ġew ippreżentati l-ħidma li twettqet, l-objettivi tal-istess istitut, il-materji prinċipali li ġew trattati f’din l-aħħar sena, flimkien ma’ indikazzjonijiet ta’ korsijiet fil-ġejjieni.
Ingħata r-rapport finanzjarju mis-Sur Anthony Bezzina, bħala uffiċjal finanzjarju tal-IPM. Id-Djoċesi ta’ Għawdex hija kommessa li tkompli tinvesti u tagħmel tajjeb għal kull żbilanċ għaliex temmen li l-formazzjoni tal-lajċi hija imprezzabbli fil-missjoni tal-Knisja tal-lum.
Sar ukoll diskors minn Dun Joseph Farrugia, lettur tal-Kors Award in Safeguarding of Minors and Vulnerable Persons, fejn stqarr li l-korsijiet, aktar milli huma ħażna addizzjonali ta’ informazzjoni, iservu wkoll ta’ formazzjoni għall-persuna tal-bniedem hekk li meta persuna tieqaf tifforma ruħha, nistgħu ngħidu li tieqaf tgħix.
Id-diskors f’isem l-istudenti sar mis-Sa Mariya Said li ggradwat fl-Award in Psychodynamics of Family Relationships.
Fi tmiem is-serata saret il-Preżentazzjoni taċ-Ċertifikati lill-gradwati mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma, li wassal ukoll il-messaġġ tiegħu għall-okkażjoni. Stqarr li hija xewqa tiegħu li kull inizjattiva ta’ formazzjoni li ssir fid-Djoċesi ssir f’isem l-IPM sabiex dan l-istitut tal-formazzjoni għal-lajċi jakkwista profil aktar wiesa’ għall-benefiċċju ta’ diversi ministeri li llum huma essenzjali fil-Knisja.
📸 Lino Xerri