Nhar it-Tnejn 12 ta’ Novembru 2018, Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, beda żjara pastorali ta’ ftit jiem fil-Perù, fejn hemm il-missjunarju Dun Raymond Portelli, min-Nadur.
Il-Ħamis 15 ta’ Novembru, huwa qaddes flimkien ma’ Mons. Miguel Olaortua Laspra, Isqof ta’ Iquitos, fil-Parroċċa ta’ San Martin de Porres, li tagħha Dun Raymond hu l-Kappillan, u li qed tagħlaq ħamsin sena mit-twaqqif tagħha.
Matul din iż-żjara l-Isqof Grech żar erbat idjar tal-karità li fetaħ u qed imexxi Dun Raymond, li huwa wkoll tabib; żewġt idjar għar-riabilitazzjoni ta’ persuni bil-vizzju tad-droga; dar għal dawk li huma bla saqaf; u dar għall-morda bl-Aids. Terz mill-ispejjeż biex imexxi dawn id-djar jinġabru minn offerti li jingħatawlu minn Għawdex.
Fil-jiem li ġejjin, l-Isqof ta’ Għawdex mistenni jżur ukoll il-membri tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, li qegħdin f’Arequipa u f’Lima. F’Lima hu ser jiltaqa’ wkoll mas-Soċi tal-Museum li għandhom diversi ħidmiet f’din il-belt.
st-12-2018-zjara-pastorali-tal-isqof-ta-ghawdex-fil-missjoni-tal-peru.pdf pdf · 205.17 KB Niżżel