Illum ġiet fi tmiemha ż-żjara ta’ tmint ijiem (mill-25 ta’ Ġunju sat-2 ta’ Lulju 2016) tal-grupp ta’ erbgħa u għoxrin ruħ – dsatax-il student u studenta ta’ bejn l-erbatax u s-sittax-il sena u ħames għalliema tagħhom – mill-Iskola Internazzjonali tal-Ingliż Mar Qardakh f’Erbil, fit-tramuntana tal-Iraq.
Iż-żjara ġiet ikkordinata mid-Djoċesi ta’ Għawdex u l-Komunità Anglikana bħala ġest ta’ solidarjetà u mħabba fil-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena, bl-għan li sservi ta’ skambju kulturali, edukattiv u reliġjuż ma’ Nsara li ġejjin minn pajjiż fejn il-fidi fi Kristu sfat mira ta’ persekuzzjoni qalila mit-terroristi tal-Istat Iżlamiku. Il-Knisja f’Għawdex bħalissa qed tospita wkoll familja refuġjata mill-Eġittu.
Għalkemm il-grupp ġej minn zona pjuttost paċifika u ż-żgħażagħ, kif irrakkuntaw huma stess, għandhom tama kbira għall-ġejjieni ta’ pajjiżhom, huma mdawrin b’sitwazzjoni ta’ kunflitt kbir li hu theddida għall-istess futur tal-ġenerazzjoni li tielgħa f’dan il-pajjiż martirizzat. L-għan tal-iskola Kattolika li minnha ġejjin hu fil-fatt li ssawwar ċittadini b’valuri sodi li jistgħu jibnu l-futur ta’ arthom u jiżguraw il-kontinwità tal-fidi f’art ta’ tradizzjoni Nisranija bimillenarja.
Hemm fil-grupp uħud li ġejjin minn inħawi oħra tal-Iraq, fosthom Baghdad, u minħabba l-gwerra spiċċaw b’xi ħadd mill-familjari maqtul jew bla saqaf fuq rashom, u għalhekk ingħataw kenn mill-parroċċa Kattolika ta’ Erbil. Għalkemm il-parti l-kbira tal-istudenti huma Kattoliċi ta’ rit Kaldew, hemm oħrajn li ġejjin mill-Knisja Assirjana, u dan jirrifletti r-rikkezza ta’ dan il-proġett ta’ karità Nisranija li mill-bidu ngħata bixra ekumenika bil-kollaborazzjoni sħiħa bejn il-Knisja Kattolika u dik Anglikana. Iż-żgħażagħ jitkellmu bl-Għarbi kif ukoll bl-Aramajk, imma fil-parti l-kbira tagħhom għandhom ukoll ħakma tajba tal-Ingliż. Dan barra s-similaritajiet ovvji mal-lingwa Maltija li kienu motiv ta’ skambji interessanti f’dawn il-jiem ta’ mistrieħ fi gżiritna.
Il-Proġett Merħba ra lill-grupp mill-Iraq jiġi milqugħ f’bosta komunitajiet parrokkjali f’Għawdex, fost l-oħrajn għall-festa ta’ San Pietru u San Pawl fin-Nadur, il-parroċċa mnejn telqet l-idea ta’ din iż-żjara sena ilu, meta kien ġie jagħti x-xhieda tiegħu minn Erbil Fr Douglas Bazi. F’diversi lokalitajiet f’Għawdex, il-grupp Iraqqin tħallat ma’ gruppi ta’ adolexxenti u żgħażagħ minn parroċċi differenti, fosthom il-Qala, San Lawrenz, iż-Żebbuġ u Għajnsielem, kif ukoll l-istudenti tal-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof fil-Belt Victoria, u ġie milqugħ ukoll għall-ikel għand familji, f’mumenti sbieħ ta’ interazzjoni u qsim ta’ esperjenzi. Barra l-appoġġ finanzjarju ta’ diversi azjendi u benefatturi privati, il-Proġett fil-fatt ra l-involviment ta’ għadd ta’ familji u membri oħra tal-komunitajiet parrokkjali f’Għawdex, kif ukoll tal-Komunità Anglikana u r-residenti Ingliżi f’pajjiżna.
Fil-jiem li qatta’ f’Għawdex, il-grupp mill-Iraq kien ospitat fl-Appartamenti tal-Kurja tal-Isqof f’Marsalforn. Fi żjara f’Malta t-Tnejn li għadda, il-grupp kellu laqgħat mal-Kanonku Simon Godfrey, Kanċillier tal-Katidral Pro-Anglikan ta’ San Pawl fil-Belt Valletta, u mal-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta, li ħeġġithom biex ikomplu jirrakkontaw l-istorja tagħhom lill-poplu Malti li tassew tahom merħba mill-qalb. Fil-Palazz ta’ Sant’Anton l-istudenti kellhom ukoll l-opportunità li jirrakkuntaw il-proġetti skolastiċi tagħhom lill-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà.
Saru wkoll żjarat lil imkejjen storiċi u ta’ interess kulturali bħall-Kon-Katidral ta’ San Ġwann u l-Katidral ta’ Għawdex, iċ-Ċittadella lejlet l-inawgurazzjoni tal-proġett ta’ restawr u tisbiħ tagħha, it-Tempji tal-Ġgantija, l-Akkwarju Nazzjonali, il-gżira ta’ Kemmuna, u t-Tieqa tad-Dwejra, fejn, fuq il-Baħar Mediterran, iż-żgħażagħ Iraqqini waqfu minn jeddhom jitolbu fis-skiet għal tant aħwa li tilfu ħajjithom f’dan iċ-“ċimiterju ħaj ta’ rifuġjati” u għal dawk li se jaqbdu l-vjaġġ tagħhom lejn destinazzjoni aħjar.
Barra ħin ta’ mistrieħ, għawm, mixjiet fil-kampanja, u divertiment, fejn gawdew ukoll il-karatteristiċi tal-festa Maltija u daqu ikel tradizzjonali tagħna, l-istudenti mill-Iraq kellhom mumenti ta’ talb flimkien mal-adolexxenti Għawdxin, fosthom Pellegrinaġġ Ġubilari lejn is-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, u Servizz Ekumeniku mal-komunità Anglikana Għawdxija.
F’laqgħa ma’ Monsinjur Mario Grech, l-Isqof ta’ Għawdex irringrazzjahom għax biż-żjara tagħhom dawn l-“anġli” fakkru lill-poplu Malti fil-virtujiet tal-fidi, it-tama u l-imħabba, f’riferenza għat-tliet ismijiet li bihom ġew imlaqqma l-gladiators li salvaw lil Malta fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. L-Isqof qal li jekk iż-żgħażagħ tal-Iraq huma bħal dan il-grupp –mimlijin ħajja u ottimiżmu – l-Iraq għandu futur sabiħ quddiemu.
F’kumment li ħalla lill-midja, id-djaknu Martin Nicola Nabil, responsabbli mill-grupp u wieħed mill-għalliema, qal li mill-ewwel ġurnata huma ħassu li l-poplu Malti kien qed jagħtihom merħba mill-qalb: “Qabel ftaħtulna l-bieb tagħkom, ftaħtulna qalbkom!”.
Għall-komunità Nisranija f’Għawdex, iż-żjara ta’ dan il-grupp mill-Iraq, reġjun li hu l-bejta ta’ ċivilizzazzjonijiet mill-aktar qodma u għonja, u dar għal waħda mill-eqdem komunitajiet Insara fid-dinja, din kienet esperjenza li ħassret bosta preġudizzji u ideat żbaljati u fetħet xefaq ġdid għall-esperjenza tal-fidi.
zjaragruppiraq.pdf pdf · 216.68 KB Niżżel