Dar Ġużeppa Debono, f’Għajnsielem, hija entità tal-Knisja u organizzazzjoni volontarja li twaqqfet fl-1985 bl-għan li toffri għajnuna u appoġġ lill-ommijiet u l-missirijiet waħedhom u lill-familji tagħhom, filwaqt li tippromovi d-dinjità tal-persuna, il-valur tal-ħajja sa mit-tnissil u l-importanza ta’ relazzjonijiet b’saħħithom fil-ħajja tal-individwu, tal-koppja u tal-familja.
Il-ħidma tad-Dar tinkludi residenza, akkumpanjament, appoġġ u għajnuna professjonali, f’kollaborazzjoni ma’ professjonisti u aġenziji oħra. Tingħata attenzjoni partikulari lil ommijiet u familji li jkunu qed jiffaċċjaw tqala mhux ippjanata jew sitwazzjonijiet oħra ta’ diffikultà, bil-għan li jkunu jistgħu jiffaċċjaw iċ-ċirkustanzi tagħhom b’dinjità, kuraġġ u tama.
Dar Ġużeppa Debono twettaq ukoll ħidma ta’ promozzjoni u formazzjoni favur il-ħajja. Permezz ta’ seminars u inizjattivi fl-iskejjel u fil-parroċċi, titqajjem kuxjenza dwar id-dinjità tal-ħajja umana, ir-relazzjonijiet, is-sesswalità responsabbli, il-maternità u l-paternità, u l-valur tal-familja. Għandha wkoll inizjattivi li jħeġġu lill-komunità tagħti appoġġ konkret lill-ommijiet u lit-tfal tagħhom.
Fost l-inizjattivi pastorali tagħha hemm ċelebrazzjonijiet u mumenti ta’ talb favur il-ħajja, inkluż it-Tberik tal-Ommijiet u tat-Tfal fil-Ġuf, li jsir f’kollaborazzjoni ma’ komunitajiet u entitajiet oħra tal-Knisja. L-organizzazzjoni tippromovi wkoll il-valur tal-adozzjoni u tal-fostering bħala espressjonijiet konkreti ta’ akkoljenza, responsabbiltà u mħabba lejn it-tfal.
Il-ħidma ta’ Dar Ġużeppa Debono kellha wkoll dimensjoni lil hinn minn Għawdex. L-amministrazzjoni tad-Dar ikkontribwiet bl-esperjenza u l-għarfien tagħha għall-iżvilupp ta’ Casa Santa Isabel fil-Gwatemala, dar li toffri appoġġ lil ommijiet adolexxenti. B’dan il-mod, l-esperjenza miksuba fil-ħidma favur il-ħajja u l-familja f’Għawdex setgħet tinqasam f’kuntest soċjali u kulturali differenti.
Permezz ta’ din il-ħidma, Dar Ġużeppa Debono tfittex li tkun preżenza ta’ tama u appoġġ għal dawk li jkunu f’sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà, u fl-istess waqt tikkontribwixxi għall-bini ta’ kultura li tħares il-ħajja, tirrispetta d-dinjità ta’ kull persuna u ssaħħaħ il-familja.