Aqbeż għall-kontenut

Id-Djoċesi ta’ Għawdex

In-Nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta fis-sena 60 WK jimmarka l-bidu tar-rabta tan-nies tal-gżira mal-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu. Il-fidi Nisranija bdiet twarrad mal-miġja tal-Biżantini fis-sena 535 u, fil-fatt, hemm l-ewwel referenza għal struttura ekkleżjastika (djoċesi) f’Għawdex kmieni fis-seklu 7. Jidher li l-fidi Nisranija f’Għawdex ma ntfietx matul it-tmexxija twila tal-Għarab bejn it-870 u l-1127. Meta n-Normanni ħadu l-gżira f’idejhom fl-1127, sabu komunità żgħira Nisranija f’Għawdex bl-isqof jew papas tagħha.

Fis-seklu ta’ wara, Għawdex u Kemmuna ġew integrati fid-Djoċesi ta’ Malta, u baqgħu parti minnha sal-1864. L-ewwel talba għat-twaqqif ta’ djoċesi f’Għawdex għamilha l-Arċipriet tal-Matriċi Saver Cassar fid-29 ta’ Ottubru 1798. Dan l-ewwel tentattiv qatt ma qabad art u t-talba fil-verità damet ma ttieħdet bis-serjetà sal-1855, meta tressqet mill-ġdid minn żewġ mexxejja qalbiena: Dun Pietru Pace, saċerdot mir-Rabat li kien qed jistudja Ruma, u Sir Adrian Dingli, l-Avukat tal-Kuruna tal-Kolonja Ingliża ta’ Malta, li wkoll kien Għawdxi. Flimkien għamlu kulma setgħu biex jaraw ix-xewqat ta’ ħuthom l-Għawdxin jitwettqu. Il-Beatu Papa Piju IX fl-aħħar ikkonċeda għat-talba tagħhom u bil-Bulla Singulari Amore – ‘Bi mħabba liema bħalha’ – tas-16 ta’ Settembru 1864, il-gżejjer ta’ Għawdex u Kemmuna nqatgħu minn mad-Djoċesi ta’ Malta u twaqqfu bħala djoċesi għalihom. Fit-22 ta’ Settembru 1884, l-Arċipriet Mikiel Franġisk Buttigieg ġie maħtur l-ewwel Isqof ta’ Għawdex. Il-Matriċi ta’ Għawdex, iddedikata lil Santa Marija fit-Tlugħ fis-Sema tagħha, saret il-Katidral il-ġdid. Fit-23 ta’ Ottubru 1864, l-Isqof Buttigieg għamel id-dħul solenni tiegħu fil-Katidral. L-E.T. Mons. Anton Teuma, l-Isqof attwali ta’ Għawdex, hu d-disa’ Ragħaj spiritwali tad-Djoċesi.

L-istorja aktar fid-dettall…

Nhar is-16 ta’ Settembru 1864, il-Papa Piju IX għoġbu jifred il-gżejjer ta’ Għawdex u Kemmuna mid-Djoċesi ta’ Malta u jwaqqafhom fi djoċesi għalihom. 66 sena ħidma tal-kleru u tal-poplu Għawdxi kienu fl-aħħar taw il-frott mixtieq.

L-Arċipriet Saverio Cassar

L-ewwel talba għat-twaqqif ta’ Djoċesi

Kien nhar it-30 ta’ Ottubru 1798 li l-Arċipriet Saverio Cassar, Arċipriet tal-Knisja Matriċi u Kolleġġjata ta’ Għawdex, Mexxej tal-Għawdxin kontra l-Franċiżi, u Gvernatur-Ġenerali ta’ Għawdex, talab għall-ewwel darba ħalli Għawdex isir Djoċesi għalih. F’isem il-Gvern u l-poplu Għawdxi, hu ressaq talba lir-Re Ferdinandu III ta’ Sqallija ħalli jagħti l-permess tiegħu biex titwaqqaf id-Djoċesi ta’ Għawdex.

It-talba saret lir-Re għal żewg raġunijiet: bit-tluq tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, il-gżejjer kienu reġgħu għaddew formalment taħt is-Saltna ta’ Sqallija. Ir-Rejiet ta’ din is-Saltna, bi privileġġ mogħti lilhom mill-Papa Urbanu II fl-1098, kellhom dritt li jippromovu t-twaqqif ta’ djoċesijiet fis-saltna tagħhom. L-aħħar kelma kienet tal-Papa, iżda, irraġuna tajjeb Cassar, jekk ir-Re jkun favur, il-Papa mhux se jmur kontra x-xewqa tiegħu.

Meta l-petizzjoni ta’ Cassar twasslet Palermo, il-belt kapitali tar-Renju Sqalli, ingħatat lill-Arċisqof Alfonzo Airoldi, il-konsulent ewlieni tar-Re għall-ħwejjeġ ekkleżjastiċi. Għalkemm kien sema’ b’Għawdex, ma kellu ebda ħjiel tal-gżira u qatt ma basar li kienet ġiet daqshekk ’il quddiem. Meta qies kollox, l-Arċisqof Airoldi qatagħha li jmexxi t-talba ta’ Cassar. F’tagħrifa qasira lir-Re, qallu ċar u tond: “Il-gżira ta’ Għawdex hi tali li jixraq illi l-Maestà Tiegħu, fil-ħniena kbira Tiegħu, juża d-drittijiet Sovrani Tiegħu u jilqa’ t-talba Lilu magħmula”.

Il-qima li biha kien miżmum Cassar, flimkien mal-ħidma għaqlija tal-Avukat Franġisk Pace, l-ambaxxatur ta’ Għawdex f’Palermo, għenu mhux ftit biex it-talba tibqa’ miexja ’l quddiem. Iżda minħabba l-gwerer tar- Rivoluzzjoni f’Malta u fil-Mediterran, u l-iktar għax il-Papa Piju VI kien jinsab arrestat fi Franza, it-talba ma setgħetx tiġi kkunsidrata minnufih. Nhar il-5 ta’ Settembru 1800, Malta u Għawdex għaddew taħt il-protezzjoni tal-Ingilterra u l-petizzjoni ta’ Cassar sfat fix-xejn. Hu miet nhar is-16 ta’ Diċembru 1805, mingħajr ma kellu x-xorti jara xewqtu sseħħ.

Tliet petizzjonijiet fis-sena 1836

Iżda x-xewqa mnissla minnu ma mititx! Nhar it-30 ta’ Diċembru 1836, tliet Għawdxin – il-Kanonku Gajtan Bondì, il-Kanonku Franġisk Portelli u n-Nutar Nicolò Tabone – qalgħu udjenza mal-Papa Girgor XVI u ppreżentawlu petizzjoni għat-twaqqif tad-Djoċesi. Il-petizzjoni, iffirmata minn 136 ruħ, fosthom il-Kapitlu kollu tal-Matriċi, tibda b’tagħrif fit-tul dwar Għawdex u dwar l-istituzzjonijiet ċivili u ekkleżjastiċi fil-gżira. Wara li juruh it-twegħir li għaddejjin minnu, jitolbu lil Papa: “Uri l-ħniena Tiegħek magħna u aqta’ l-gżejjer ta’ Għawdex u Kemmuna mid-Djoċesi ta’ Malta u waqqafhom fi djoċesi għalihom”.

Biex ikomplu jsaħħu din it-talba, l-Għawdxin bagħtu petizzjoni oħra lir-Re Guliermu IV tal-Ingilterra. Semmewlu d-diffikultajiet li kienu jiltaqgħu magħhom ta’ kuljum u talbuh biex jippromovi t-talba tagħhom. Qalulu wkoll jagħmel ħiltu ħalli fl-għażla ta’ Isqof għall-gżira ta’ Għawdex tingħata preferenza lill-qassisin Għawdxin.

L-Għawdxin ippreżentaw petizzjoni oħra lill-Gvernatur ta’ Malta, Sir Henry Frederick Bouverie (1836-1843). Tawh ukoll kopja tat-talbiet li kienu ressqu lill-Papa u lir-Re u talbuh jagħmel ħiltu kollha ħalli jipprova jaqtgħalhom xewqithom.

Il-Gvernatur ma sab ebda diffikultà li jmexxi ’l quddiem it-talba tagħhom, iżda qabel, xtaq li jkun jaf kif jaħsibha l-Isqof ta’ Malta. L-Isqof Franġisk Saverju Caruana (1831-1847) dlonk wieġbu b’ittra miktuba minn Monsinjur Filippo Amato, il-Vigarju Ġenerali. Spjegalu l-ewwel nett li, skond il-liġi tal-Knisja, djoċesi ma tistax tiġi mnaqqsa jew maqsuma meta l-Isqof ikun għadu ħaj. Qallu wkoll li l-Għawdxin kienu għaġġbu ħafna d-diffikultajiet tagħhom u li għaldaqstant mhux veru kien hemm bżonn li Għawdex isir Djoċesi.

Id-Djoċesi kienet ferm ta’ ħtieġa

Ir-raġuni ewlenija li għafsu fuqha l-Għawdxin kienet il-biċċa baħar li tifridna minn Malta. Aħna li noqogħdu Għawdex ilkoll nafu bil-biċċa wġigħ ta’ ras, bit-telf ta’ ħafna ħin prezzjuż u bl-ispiża li rridu nagħmlu biex immorru Malta. Aħseb u ara fis-seklu dsatax! Mhux biss ma kienx hemm vapur tal-passiġġieri, iżda anqas kien hemm trasport għan-nies biss. Min kellu ħtieġa jmur, ried jara kif jiddobba passaġġ mad-dgħajjes tal-Latini li kienu jġorru l-prodotti u l-merkanzija bejn il-gżejjer. Dawn kienu bil-qlugħ u jmorru sal-Port il-Kbir. Kienu jitilqu mal-Paternoster u, jekk kollox imur sew, kienu jaslu bejn erba’ u ħames sigħat wara. Aħna l-Għawdxin nistgħu b’xi mod nobsru kemm kien vjaġġ kiefer f’nofs il-ħalel tal-baħar qawwi fix-xitwa u taħt xemx tiżreġ sa tixwik fis-sajf! It-traġedji li nafu li ġraw fil-fliegu huma xhieda tat-tfixkil li din il-biċċa baħar dejjem ħolqot. Kellhom għalhekk mitt raġun l-Għawdxin jagħfsu fuq dan l-intopp.

Ir-raġunijiet l-oħra kollha kienu marbuta ma’ din il-biċċa baħar. L-Isqof ta’ Malta u Għawdex, li kien joqgħod il-Belt Valletta, ma tantx kien jiġi Għawdex bil-qalb. Bejn l-1798, is-sena li fiha tkeċċew il-Kavallieri, u l-1857, meta sar Isqof l-Għawdxi Monsinjur Gajtan Pace-Forno, kellna biss sitt żjarat mill-Isqof ta’ Malta – medja ta’ Viżta kull għaxar snin! L-Isqof Franġisk-Saverju Caruana qatt ma rifes fuq il-gżira Għawdxija. Minħabba f’hekk, is-sagrament tal-Griżma tal-Isqof qajla kien magħruf fil-gżira Għawdxija.

L-iktar li kienu jbatu kienu dawk li riedu jsiru qassisin. Dawn kienu jew jistudjaw fl-Iskola tal-Matriċi, jew, jekk ikunu tat-tajjeb, jikru Malta ħa jkomplu l-istudji s-Seminarju jew l-Università. Hekk jew hekk riedu jmorru l-Belt Valletta għal eżami qabel it-Tonsura u qabel kull Ordni Minuri jew Maġġuri u mill-ġdid għal kull Ordinazzjoni. Kien sikwit jiġri li, minħabba l-baħar qawwi, ma jaslux fil-ħin għall-Ordinazzjoni u kien ikollhom jistennew ħafna xhur.

Bir-raġun, l-Għawdxin kienu qed jisħqu li bit-twaqqif ta’ Djoċesi u l-ftuħ ta’ Seminarju, jintemm l-għajdut fost il-kleru Malti li l-qassisin Għawdxin ma kienu jafu xejn. Dawn u ħafna diffikultajiet oħra kienu jintemmu, irraġunaw, jekk Għawdex u Kemmuna jsiru Djoċesi għalihom.

Il-Papa Piju IX jifhem lill-Għawdxin

Iżda qabel setgħu jaqtgħu xewqithom, kien hemm ħafna diffikultajiet x’jintrebħu. U żewġ Għawdxin li qatt ma hedew jaħdmu biex iġibu ’l quddiem il-gżira li welldithom ħalfu li ma jistriħux qabel ma l-pjan iseħħ. L-ewwel fosthom kien Dun Pietru Pace (1831-1914), saċerdot mir-Rabat, Għawdex, ordnat Ruma fit-18 ta’ Diċembru 1853, Duttur fit-Teoloġija u fil-Liġi. L-ieħor kien Sir Adrian Dingli (1818-1900), imnissel minn familja Rabtija wkoll, il-kandidat elett mill-gżira fl-ewwel elezzjoni li saret, u iktar tard Avukat tal-Kuruna. Tal-ewwel witta t-tfixkil li nqala’ l-Vatikan; it-tieni kiseb l-approvazzjoni tant meħtieġa mingħand l-Ingliżi.

Sakemm intrebaħ kull tfixkil, intbagħtu xejn inqas minn erba’ petizzjonijiet oħra – ilkoll indirizzati lill-Papa Piju IX. It-tielet petizzjoni għad-Djoċesi ngħatat direttament lill-Papa Piju IX minn Dun Pietru Pace u żewg saċerdoti oħra Għawdxin nhar id-9 ta’ Ġunju 1855. Nhar it-18 ta’ Ġunju 1857, il-Kapitlu tal-Knisja Matriċi-Kolleġġjata ta’ Għawdex reġa’ kiteb lill-Papa ħa jfakkru fit-talba ta’ sentejn qabel. Sadattant, bl-għajnuna ta’ Pace u Dingli u ħafna oħrajn, id-diffikultajiet kienu qed jintrebħu waħda wara l-oħra, u nhar il-15 ta’ Awwissu 1862, intbagħtet il-ħames petizzjoni mill-Kapitlu tal-Matriċi u l-ogħla nies tal-gżira. Ftit wara, il-Vatikan għamel l-ewwel pass.

  • Il-Papa Piju IX
  • Dun Pietru Pace (1831–1914)
  • Sir Adrian Dingli (1818–1900)
Mikiel-Franġisk Buttigieg, l-ewwel Isqof ta’ Għawdex

Fil-Konċistorju Sigriet tas-16 ta’ Marzu 1863, il-Papa ħatar lil Mikiel-Franġisk Buttigieg, Arċipriet tal-Matriċi – imwieled il-Qala, Għawdex, nhar it-3 ta’ Novembru 1793 – bħala Isqof Titulari ta’ Lete u Isqof Awżiljarju ta’ Malta għall-gżira ta’ Għawdex. Nhar it-3 ta’ Mejju, kien ikkonsagrat Isqof f’Ruma, u, nhar l-14 ta’ Ġunju, għamel l-Ingress Solenni tiegħu f’Għawdex. L-Għawdxin kollha niżlu x-Xatt jilqgħuh. It-toroq mill-Imġarr sar-Rabat kienu mżejna b’ħafna bnadar u weraq tal-palm. Hekk kif il-karozzella tal-Isqof waslet fit-trufijiet tar-Rabat, kienu mneħħija ż-żwiemel u l-Isqof kien miġbud mill-poplu ferħan sal-Matriċi.

Kien fadal l-aħħar pass!

Il-Bolla Singulari Amore, 16 ta’ Settembru 1864

Għawdex isir Djoċesi

Nhar il-15 ta’ Frar 1864, l-Għawdxin reġgħu bagħtu petizzjoni oħra lill-Papa. U l-Papa Piju IX, li sadattant kienu waqqfulu monument fuq il-presbiterju tal-Matriċi, fl-aħħar qata’ xewqithom. Nhar is-16 ta’ Settembru 1864, permezz tal-Bolla Singulari Amore – Bi mħabba liema bħalha, twieldet uffiċjalment il-Knisja ta’ Għawdex.

L-aħbar ingħatat mill-Papa fil-Konċistorju tat-22 ta’ Settembru, meta saret ukoll il-ħatra tal-Arċipriet tal-Matriċi Mikiel-Franġisk Buttigieg bħala l-ewwel Isqof ta’ Għawdex. Sal-għada filgħaxija, l-aħbar kienet xegħlet ’l Għawdex kollu u saret mixegħla kbira. Mijiet ta’ Għawdxin telgħu l-Katidral l-ġdid u dawru l-monument tal-Papa Piju IX b’eluf ta’ fjuri. Dlonk bdew it-tħejjijiet għall-Ingress fil-Matriċi, li bl-istess Bolla Pontifiċja kienet iddikjarata l-Katidral ta’ Għawdex.

Is-Sibt 22 ta’ Ottubru, filgħodu, il-Legat tal-Papa, il-Kanonku Lwiġi Fernandez, wassal il-Bolla Singulari Amore l-Katidral. Dritt wara mexxa ċ-ċerimonja tal-pussess tat-tlieta u għoxrin Kanonku tal-Kapitlu Katidrali. Filgħaxija saret iċ-ċerimonja tal-Intronament: il-Kanonċi wiegħdu l-ubbidjenza tagħhom lill-Isqof il-ġdid.

Jum l-Ingress

Il-Ħadd 23 ta’ Ottubru 1864 jibqa’ għal dejjem wieħed mill-isbaħ jiem fl-istorja millenarja tal-gżira Għawdxija. Ma’ tbexbix il-jum, il-fratelli tat-tmienja u għoxrin fratellanza, il-patrijiet tat-tliet ordnijiet reliġjużi, is-saċerdoti u l-kanonċi kollha telqu f’purċissjoni mill-Katidral il-ġdid sal-Flora tas-Salib tat-Tiġrija, fejn intramat kappella. Ftit wara, l-Isqof Mikiel-Franġisk Buttigieg telaq f’parilja mill-kunvent tal-Kapuċċini għall-istess post. Fil-kappella kien imlibbes il-kappa u l-mitra, rikeb fuq debba bajda u, taħt baldakkin merfugħ mill-ogħla awtoritajiet Għawdxin, beda l-ingress għall-Katidral. Tfajjel żgħir mexa quddiem bil-Bolla. Tfajjel ieħor qralu l-indirizz ta’ merħba hekk kif kien se jibda t-Telgħa tal-Belt.

U fost id-daqq solenni tal-qniepen, il-mużika ferreħija tal-baned u l-għajat bla jaqta’ tal-poplu kollu Għawdxi, Mikiel-Franġisk Buttigieg, l-ewwel Isqof ta’ Għawdex, għamel l-Ingress tiegħu fil-Katidral.

Kitba ta’ Mons. Dr Joseph Bezzina