Aqbeż għall-kontenut

Il-Ġrajjiet Ewlenin tad-Djoċesi

F’mija u ħamsin sena ta’ ħajja (1864-2014)

Din il-kronoloġija hi biss tentattiv ta’ ġabra tal-ġrajjiet ewlenin li mmarkaw il-ħajja tad-Djoċesi Għawdxija matul dawn l-aħħar mija u ħamsin sena. Hi miġbura minn diversi għejun u tista’ sservi bħala bażi għal iktar tiftix. F’din il-lista m’hux inkluż tagħrif dwar kull Isqof ta’ Għawdex billi dan jinsab f’taqsima għalih f’din il-pubblikazzjoni.

Niżżel il-pubblikazzjoni sħiħa (PDF)

14 ta’ Ġunju 1863
Mons. Mikiel Franġisk Buttigieg, maħtur Isqof Titulari ta’ Lete u Isqof Awżiljarju ta’ Malta għall-gżejjer ta’ Għawdex u Kemmuna, jagħmel l-ewwel Ingress tiegħu f’Għawdex.

16 ta’ Settembru 1864
Il-Papa Piju IX, il-lum Beatu, jippromulga l-Bulla Singulari amore (“Bi mħabba liema bħalha”), li biha jwaqqaf id-Djoċesi ta’ Għawdex u Kemmuna, bil-Katidral u s-Seminarju tagħha.

22 ta’ Settembru 1864
L-Isqof Buttigieg maħtur l-ewwel Isqof tad-Djoċesi ta’ Għawdex.

20 ta’ Ottubru 1864
L-Isqof Buttigieg, l-ewwel Isqof ta’ Għawdex, jindirizza lill-presbiterju u l-poplu ta’ Għawdex fl-ewwel Ittra Ċirkulari tiegħu, tlitt ijiem qabel l-Ingress solenni tiegħu fil-Katidral ta’ Għawdex.

23 ta’ Ottubru 1864
L-Isqof Buttigieg jagħmel l-Ingress tiegħu bħala l-ewwel Isqof ta’ Għawdex fil-Katidral il-ġdid tad-Djoċesi.

4 ta’ Novembru 1866
Jiftaħ il-bibien tiegħu s-Seminarju Djoċesan. Maż-żmien, fi ħdan is-Seminarju żviluppat skola sekondarja għas-subien li għadha topera sal-lum.

3 ta’ Frar 1872
Titwaqqaf il-Parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni u San Ġużepp fil-Qala.

1879
Il-Konservatorju ta’ San Pietru u San Pawl fir-Rabat, magħruf bħala l-Konservatorju tal-Isqof u miftuħ sa mill-1789, jilqa’ fih is-Sorijiet tal-Karità ta’ San Vinċenz de Paul.

2 ta’ Marzu 1880
Il-Palazz tal-Isqof, il-Kurja u l-Arkivji jiġu ttrasferiti minn Triq Sant’Indrija għal Triq ir-Repubblika fejn jinsabu l-lum.

1 ta’ Settembru 1880
Titwaqqaf il-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù, magħrufa bħala Tal-Istilla, minn Dun Ġużepp Diacono (1847-1924), saċerdot mill-Parroċċa ta’ San Ġorġ tar-Rabat. Tkompli bil-ħidma tal-Kongregazzjoni Madre Margerita De Brincat (1862-1952), il-lum Venerabbli.

16 ta’ Ġunju 1882
Is-Seminarju Djoċesan jissemma għall-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù. Fl-1 ta’ Novembru jitwaqqaf fi ħdanu Osservatorju Metereoloġiku.

22 ta’ Ġunju 1883
Mill-kwadru tagħha fil-Kappella antikament magħrufa bħala Tal-Ġentili, fil-ħâra Ta’ Pinu, il-Verġni Mbierka ssejjaħ lix-xebba Karmni Grima mill-Għarb. Il-Madonna fl-istess perjodu tkellem ukoll lil Franġisk Portelli, ġuvni mill-istess raħal.

10 ta’ Marzu 1885
Titwaqqaf il-Parroċċa tal-Verġni Mqaddsa tas-Sokkors u tal-Papa San Girgor il-Kbir f’Ta’ Kerċem.

6 ta’ Ottubru 1889
Titwaqqaf il-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Dumnikani ta’ Santa Katarina ta’ Siena, bil-ħidma tal-benefattriċi Karolina Cauchi (1824-1907) u oħrajn.

15 ta’ Marzu 1893
Titwaqqaf il-Parroċċa ta’ San Lawrenz f’San Lawrenz.

19 ta’ Settembru 1894
Il-Parroċċa ta’ San Pietru u San Pawl tan-Nadur titgħolla għad-dinjità ta’ Kolleġġjata.

3 ta’ Diċembru 1894
Dun Ġużepp Diacono jwaqqaf il-Casa Pia Industriale biex jippromovi s-sengħa tal-bizzilla f’Għawdex, bi dħul għal fini karitattiv.

17 ta’ Marzu 1900
Il-Parroċċa tat-Twelid tal-Verġni Mbierka fix-Xagħra mgħollija għad-dinjità ta’ Kolleġġjata.

18-20 ta’ Ottubru 1903
L-Isqof Giovanni Maria Camilleri OESA jsejjaħ l-Ewwel Sinodu ta’ Għawdex.

1904
L-Isqof Camilleri jikkonsagra l-gżira ta’ Għawdex lil Ġesù Salvatur. B’tifkira ta’ dan, titwaqqaf xbieha ġdida tas-Salvatur fuq l-għolja tal-Merżuq int u nieżel Marsalforn.

27 ta’ Marzu 1911
Titwaqqaf il-Parroċċa tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù fil-Fontana.

16 ta’ Settembru 1915
Tibda f’Għawdex is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (Museum) bil-ftuħ tal-ewwel Qasam tal-Bniet fin-Nadur. Strumentali f’dan tkun Rakela Attard, li żammet korrispondenza kontinwa mal-fundatur San Ġorġ Preca sa ma miet fl-1962. Eventwalment il-Fergħa tas-Subien daħlet fil-Belt Victoria bil-ħidma tas-Superjur Emanuel Bianco fit-23 ta’ April 1941.

16 ta’ Diċembru 1921
Titwaqqaf il-Parroċċa ta’ Kristu Ewkaristiku Salvatur fl-Għasri.

21 ta’ Mejju 1925
Jiftaħ l-Istitut ta’ San Ġużepp f’Għajnsielem.

9-16 ta’ Ġunju 1929
Jiġi ċċelebrat l-Ewwel Kungress Ewkaristiku Djoċesan bis-sehem ta’ bosta isqfijiet minn barra.

13 ta’ Diċembru 1931
Jitlesta l-bini monumentali tas-Santwarju Ta’ Pinu u l-bażilika l-ġdida tiġi kkonsagrata mill-Isqof Mikiel Gonzi.

Diċembru 1931
Jibda jixtered f’Għawdex il-Moviment tal-Azzjoni Kattolika. L-ewwel riferenza ċara hi għal konferenza fil-knisja ta’ San Ġakbu, il-Belt Victoria, li tindika li dan il-Moviment kien preżenti f’Għawdex sa minn din id-data u qabel.

1 ta’ April 1934
Fetħet fi Triq il-Karità, il-Belt Victoria, l-ewwel dar tal-Oratorju Don Bosco, bil-ħidma tas-saċerdot Rabti Dun Pawl Micallef (1897-1958).

19 ta’ Ġunju 1935
Il-Kardinal Alessio M. Lepicier OSM jintbagħat Għawdex bħala l-legat speċjali tal-Papa Piju XI għall-inkurunazzjoni tal-kwadru tal-Madonna Ta’ Pinu.

10 ta’ Ġunju 1945
Joħroġ l-ewwel għadd tal-ġurnal djoċesan Għawdex. L-ewwel editur kien Patri Akkursju Xerri OFM. Meta kien editur Dun Nikol Ġ. Cauchi, li mbagħad sar Amministratur Appostoliku u iktar tard Isqof ta’ Għawdex, il-ġurnal ħa l-għamla ta’ rivista fl-1966 bl-isem Il-Ħajja f’Għawdex, kif għadu sal-lum.

25 ta’ Awwissu 1946
L-Isqof Ġużeppi Pace iqiegħed u jbierek l-ewwel ġebla tal-Istitut tal-Madonna ta’ Lourdes. Is-sorijiet Dumnikani daħlu fih fl-1956, u fil-11 ta’ Lulju 1968 ġie miftuħ uffiċjalment bħala Lourdes Home.

8 ta’ Ottubru 1949
Jinfetaħ l-Oratorju Don Bosco fi Pjazza Santu Wistin, il-Belt Victoria. Għal xi snin, laqa’ fih lis-saċerdoti Salesjani, u l-lum hu kumpless li jservi bħala post ta’ formazzjoni għall-adolexxenti u ċentru sportiv kif ukoll teatru u ċinema għall-familja.

22 ta’ Jannar 1950
Fl-okkażjoni tas-Sena Marjana, jitlaqqa’ l-ewwel præsidium tal-Leġjun ta’ Marija f’Għawdex, f’waħda mis-swali parrokkjali ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria, taħt it-tmexxija spiritwali tal-Arċipriet Mons. Mikiel Cefai.

13 ta’ Mejju 1956
Tiġi inawgurata l-Istamperija tal-Knisja bħala parti mill-Istitut ta’ San Ġużepp. Fl-1 ta’ Awwissu 1978 ġiet mgħammda bl-isem Gozo Press.

12 ta’ Diċembru 1957
Titwaqqaf il-Parroċċa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl Appostlu fil-Munxar.

27 ta’ Awwissu 1958
Jitwaqqaf il-Moviment Azzjoni Soċjali bil-ħidma ta’ Dun Nikol Ġ. Cauchi, iktar tard Isqof ta’ Għawdex.

Ottubru 1962
L-Isqof Ġużeppi Pace jieħu sehem fl-ewwel sessjoni tal-Konċilju Vatikan II (1962-1965) f’Ruma.

Mejju 1965
Jinżammu festi speċjali f’Għawdex fl-okkażjoni tal-ewwel ċentinarju mit-twaqqif tad-Djoċesi. Il-legat speċjali tal-Papa għal din it-tifkira kien il-Kardinal Luigi Traglia.

1966
Jitwaqqaf il-Moviment Ta’ Kana f’Għawdex.

Novembru 1967
Tiġi organizzata l-ewwel Missjoni Djoċesana fl-episkopat tal-Isqof Nikol Ġ. Cauchi.

29 ta’ Diċembru 1967
L-Isqof Cauchi jħabbar riforma sħiħa fl-istruttura tal-Kurja Djoċesana fid-dawl tal-Konċilju Vatikan II.

April 1969
Tibda l-istampa ta’ Il-Bulettin tal-Ħadd imqassam kull ġimgħa fil-parroċċi.

Novembru 1969
Jinżamm it-Tieni Kungress Ewkaristiku Djoċesan f’għeluq l-erbgħin sena mill-Ewwel Kungress Ewkaristiku.

Ottubru 1972
Jitwaqqfu l-Lumen Christi Publications, dar tal-pubblikazzjonijiet biex ixxerred iżjed it-tagħlim Nisrani permezz tal-kelma stampata.

14 ta’ Mejju 1975
Jinżamm l-ewwel minn għadd ta’ Kungressi Pastorali Djoċesani miżmuma kull ħames snin fi żmien l-Isqof Cauchi.

8 ta’ Diċembru 1975
Il-Parroċċa ta’ San Ġorġ mgħollija għad-dinjità ta’ Kolleġġjata Lateranensi.

29 ta’ Novembru 1976
Monsinjur Ġużeppi Mercieca, saċerdot mill-Belt Victoria, maħtur Arċisqof Metropolita ta’ Malta, fejn dam sa l-2006.

22-30 ta’ Settembru 1979
Jinżamm it-Tielet Kungress Ewkaristiku Djoċesan.

8-18 ta’ Settembru 1983
Jinżamm fis-Santwarju Ta’ Pinu d-Disa’ Kungress Marjoloġiku Internazzjonali u s-Sittax-il Kungress Internazzjonali Marjan. Il-legat tal-Papa għall-okkażjoni kien il-Kardinal Salvatore Pappalardo, Arċisqof ta’ Palermo.

8 ta’ Diċembru 1985
Tiġi inawgurata d-Dar Ġużeppa Debono f’Għajnsielem, istituzzjoni b’ħidma mat-tfajliet ommijiet u proġetti favur il-ħajja. Hi mibnija fuq propjetà li kienet mogħtija minn Ġużeppa Debono (1883-1956), filantropa Għawdxija u benefattriċi kbira tal-Knisja.

Settembru 1989
Jinżammu ċelebrazzjonijiet f’għeluq il-125 anniversarju mit-twaqqif tad-Djoċesi.

26 ta’ Mejju 1990
Il-Papa Ġwanni Pawlu II, il-lum qaddis, iżur il-gżira ta’ Għawdex bħala parti mill-Vjaġġ Appostoliku tiegħu fil-Gżejjer Maltin. Hu żar il-Katidral tal-Assunta u s-Seminarju Djoċesan fil-Belt Victoria u mexxa Quddiesa fil-Pjazza tas-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu, fejn qiegħed stellarju fuq il-kwadru għażiż tal-Verġni Mbierka.

13 ta’ Jannar 1991
Jitwaqqaf l-Istitut tal-Familja Papa Ġwanni Pawlu II, magħruf aħjar bħala ċ-Ċentru Ta’ Kana, il-lum immexxi mill-Kummissjoni Djoċesana Familja.

26 ta’ Ġunju 1991
Titwaqqaf il-Fondazzjoni Oasi biex tipprovdi servizzi lil dawk maħkuma mill-vizzji tad-droga u l-alkoħol.

Settembru 1992
Jiġi inawgurat il-Lumen Christi Media Centre, b’librerija u ħanut ta’ kotba reliġjużi, uffiċċji pastorali u dar tal-pubblikazzjonijiet, kif ukoll recording studios attrezzati tar-radju, bl-għan li jkun ċentru ta’ kordinament tal-medja djoċesana.

11 ta’ Ottubru 1992
Jiftaħ it-Tieni Sinodu Djoċesan, imsejjaħ mill-Isqof Nikol Ġużeppi Cauchi fl-1975. Dan baqa’ għaddej sat-22 ta’ Novembru ta’ dik is-sena. L-atti u riżoluzzjonijiet ixxandru fid-9 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara.

13 ta’ April 1994
Tinkiseb minn għand il-Kongregazzjoni għall-Edukazzjoni Kattolika l-affiljazzjoni tas-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex mal-Università Pontifiċja ta’ San Tumas ta’ Aquino f’Ruma, magħrufa bħala l-Angelicum. Dan kompla jiġġedded kull għaxar snin, bl-aħħar darba tkun fil-31 ta’ Lulju 2014.

Novembru 1999
Jissejjaħ ir-Raba’ Kungress Ewkaristiku Djoċesan f’għeluq is-sebgħin sena mill-Ewwel Kungress Ewkaristiku. Fl-istess xahar jiġi Għawdex Mons. Vincent Logan għal Żjara Appostolika fis-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex.

3 ta’ Diċembru 2000
Tinfetaħ uffiċjalment Dar Arka, f’Għajnsielem, immexxija mill-Fondazzjoni Arka f’isem il-Knisja biex toffri servizzi ta’ għajnuna u residenza lill-persuni b’diżabbiltà.

Settembru 2002
Fuq xewqa u bil-ħidma tal-Isqof Cauchi, tiġi inawgurata skola sekondarja tal-Knisja għall-bniet f’Għawdex, fil-Konservatorju tal-Isqof, il-Belt Victoria.

22 ta’ Ottubru 2004
Bħala parti mis-Sitt Kungress Internazzjonali tal-Kleru miżmum fil-Gżejjer Maltin, iżuru Għawdex għadd ta’ qassisin, u jinżammu ċelebrazzjonijiet kbar fir-Rotunda tax-Xewkija u l-Pjazza quddiem is-Santwarju Ta’ Pinu.

Mejju 2005
Jinżamm il-Ħames Kungress Ewkaristiku Djoċesan fl-okkażjoni tas-Sena Ewkaristika mxandra mill-Papa Ġwanni Pawlu II.

11 ta’ Settembru 2007
Mons. Alfred Xuereb, saċerdot mill-Parroċċa ta’ San Ġorġ fil-Belt Victoria, maħtur it-tieni Segretarju Personali tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu XVI. Kompla jservi f’din il-kariga wkoll tul l-ewwel xhur tal-pontifikat ta’ Franġisku.

16 ta’ Ottubru 2008
Titnieda Missjoni Djoċesana fl-okkażjoni tas-Sena Pawlina b’tifkira tal-elfejn sena mit-twelid tal-Appostlu Missierna San Pawl.

Ottubru-Novembru 2009
Jinżamm is-Sitt Kungress Ewkaristiku Djoċesan imsejjaħ mill-Isqof Mario Grech.

18 ta’ April 2010
Il-Papa Benedittu XVI, fi tmiem Quddiesa fuq il-Fosos tal-Furjana, iqiegħed Warda tad-Deheb f’riġlejn il-kwadru tal-Madonna Ta’ Pinu.

24 ta’ Awwissu 2011
Jiftaħ il-Monasteru tas-Sorijiet Klarissi f’Għawdex.

12 ta’ Mejju 2012
Tinżamm fil-Katidral l-ewwel Konsagrazzjoni tal-Verġni fid-Djoċesi ta’ Għawdex.

17 ta’ Mejju 2013
Fl-okkażjoni tas-Sena tal-Fidi fil-Knisja universali, tinżamm ċelebrazzjoni djoċesana tas-Sagrament tal-Konfirmazzjoni fil-Pjazza tas-Santwarju Ta’ Pinu, bis-sehem ta’ ħames isqfijiet u 276 konfirmand.

27 ta’ Jannar 2014
Il-Papa Franġisku, fuq parir tal-Kongregazzjoni tal-Kawżi tal-Qaddisin, jiffirma d-digriet li bih jiddikjara Venerabbli lill-Qaddejja ta’ Alla Madre Margerita De Brincat, minn Ta’ Kerċem, fundatriċi tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù.

2 ta’ Awwissu 2014
Jinfetaħ formalment fis-Santwarju Ta’ Pinu l-Proċess Djoċesan tal-Kawża tal-Beatifikazzjoni u l-Kanonizzazzjoni tal-Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard (1933-2004).

Settembru-Ottubru 2014
Ċelebrazzjonijiet tal-150 anniversarju mit-twaqqif tad-Djoċesi ta’ Għawdex.

Miġbura minn Francesco Pio Attard

Qoxra tal-pubblikazzjoni Għawdex: 150 Sena Djoċesi (2014).