Aqbeż għall-kontenut
L-arma tal-Papa Piju IX fil-koppla tal-Katidral.

L-Arma tad-Djoċesi

Stemma Araldika tad-Djoċesi ta’ Għawdex (2021)

Fit-28 ta’ Ottubru 2021, Jum Għawdex, id-Djoċesi ta’ Għawdex xandret l-Istemma Araldika ġdida tagħha.

B’inizjattiva tas-Segreterija tal-Isqof u l-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni fi ħdan il-Kurja Veskovili ta’ Għawdex, u fuq idea oriġinali ta’ Dun Roberto Gauci, id-disinn finali tal-istemma nħadem u ġie esegwit skont ir-regolamenti tal-araldika minn Dr Charles A. Gauci, Chief Herald of Arms ta’ Malta fi ħdan Heritage Malta. F’dan il-proċess, id-Djoċesi kkonsultat ukoll l-istoriku Mons. Dr Joseph Bezzina, eks Arkivista Djoċesan.

L-approvazzjoni uffiċjali ta’ din l-Istemma mill-Uffiċċju taċ-Chief Herald of Arms ta’ Malta saret nhar is-16 ta’ Settembru 2021, il-157 anniversarju mit-twaqqif tad-Djoċesi ta’ Għawdex.

L-istemma hi komposta minn żewġ elementi prinċipali: l-arma proprja fuq ġewwa tat-tarka jew skudett, u s-simboli ta’ djoċesi fuq in-naħa ta’ barra.

It-tarka hi komposta minn żewġ taqsimiet orizzontali:

Il-parti prinċipali ta’ isfel, li tokkupa żewġ terzi, hi riproduzzjoni kważi eżatta tal-Istemma Araldika ta’ Għawdex, li hija Party per fess, Sable tliet għoljiet b’fess tal-Fidda, iċ-ċentru fuq enfasizzat u barry mmewweġ sitta Fidda u Iswed.

Din turi sfond maqsum orizzontalment: żewġ terzi mill-parti ta’ fuq huma kulur il-fidda; terz fil-parti ta’ isfel huwa magħmul minn sitt faxex paralleli mmewġin u orizzontali li jalternaw bejn fidda u iswed, ta’ fuq fidda u tal-qiegħ iswed. Fil-parti ta’ fuq, tliet għoljiet suwed kemxejn ippuntati, l-għolja fiċ-ċentru ogħla u quddiem iż-żewġ għoljiet l-oħra.

Din l-istemma araldika oriġinat minn dik tal-Universitas – il-Gvern reġjonali ta’ Għawdex (1350-1819) – u żgur li kienet bdiet tintuża fi tmiem is-seklu sittax. B’Ordni tal-2014 dwar Stemmi tal-Kumitati Reġjonali, bħala parti mill-Att dwar il-Kunsilli Lokali (A.L. 364 tal-2014), ġiet iddikjarata bħala l-Istemma uffiċjali tar-Reġjun ta’ Għawdex.

Il-parti ta’ fuq, li tokkupa terz, turi x-xbieha ta’ ljun b’kuruna fuq rasu u wieqaf b’dirgħajh miftuħa, bis-sieq ta’ wara sserraħ fuq globu, fuq sfond ta’ faxxa orizzontali (fess) ta’ lewn kaħlani skur (azure).

Dan hu dettall misluf mill-Istemma Araldika tal-Beatu Papa Piju IX (1792-1878), il-fundatur tad-Djoċesi ta’ Għawdex u Kemmuna, imwaqqfa bil-Bulla Singulari Amore fis-16 ta’ Settembru 1864.

Fuq in-naħa ta’ barra tat-tarka jidhru s-simboli assoċjati mad-Djoċesi ta’ Għawdex:

Mitra episkopali simplex, ta’ lewn abjad u dehbi, biż-żewġ faxex dehbija tagħha nieżla jitberflu fuq kull ġenb tat-tarka.

Salib proċessjonali Latin u Baklu (il-bastun li jirrappreżenta l-funzjoni tal-Isqof bħala Ragħaj) jaqsmu djagonalment lil xulxin (saltire) fuq in-naħa ta’ wara tat-tarka.

Dawn is-simboli huma komuni għal kull stemma ta’ Djoċesi jew Sede episkopali, u jistgħu jkunu magħduda ma’ elementi oħra.

Din l-Istemma araldika tad-Djoċesi ta’ Għawdex, l-ewwel waħda fl-istorja tagħha, ġiet uffiċjalizzata f’rabta ma’ Jum Għawdex, it-28 ta’ Ottubru. F’dan il-jum fl-1798, il-poplu Għawdxi, megħjun mill-flotot Ingliżi u Portugiżi, ħareġ rebbieħ fuq il-ħakkiema Franċiżi u mexxa lil Għawdex b’mod awtonomu permezz ta’ gvern proviżorju magħmul kompletament mill-Għawdxin.