Il-Fraternità Saċerdotali Charles de Foucauld hija grupp ta’ presbiteri li jixtiequ jaqsmu flimkien, fil-kuntest tal-ministeru saċerdotali tagħhom, l-ispiritwalità ta’ San Charles de Foucauld, b’enfasi fuq l-adorazzjoni u l-imħabba lejn Ġesù Ewkaristija, il-ħajja sempliċi, l-abbandun f’Alla, it-talb u l-għaqda fraterna.
Fid-Djoċesi ta’ Għawdex, il-Fraternità bdiet fl-1 ta’ Diċembru 2021, fil-Festa liturġika ta’ San Charles de Foucauld, meta grupp ta’ presbiteri ltaqgħu biex jibdew din l-esperjenza ta’ fraternità saċerdotali. L-inizjattiva twieldet mix-xewqa li l-presbiteri jgħinu lil xulxin jgħixu aktar fil-fond l-ispiritwalità ta’ Charles de Foucauld, partikularment il-fiduċja u l-abbandun sħiħ f’Alla, u jagħmlu minn ħajjithom xhieda tal-preżenza ta’ Kristu fid-dinja.
Il-membri tal-Fraternità jiltaqgħu darba fix-xahar, fit-tieni Sibt tax-xahar, f’Dar Manresa. Il-laqgħa tibda b’ħin ta’ adorazzjoni Ewkaristika fis-skiet, segwit minn mument ta’ fraternità, riflessjoni fuq l-ispiritwalità ta’ Charles de Foucauld u diskussjoni dwar il-ħajja u l-ministeru saċerdotali.
L-ispiritwalità ta’ San Charles de Foucauld tħeġġeġ lill-presbiteru biex ifittex lil Kristu fiċ-ċentru tal-ħajja tiegħu, jgħix fil-preżenza ta’ Alla, jafda fih b’mod sħiħ u jħobb u jaqdi lill-oħrajn b’sempliċità u umiltà. Il-Fraternità għalhekk trid tkun spazju ta’ talb, tiġdid spiritwali u fraternità bejn il-presbiteri, fejn kull saċerdot jista’ jsib sostenn u inkoraġġiment fil-vokazzjoni u fil-ministeru tiegħu.
Il-Fraternità hija miftuħa għall-presbiteri kollha tad-Djoċesi ta’ Għawdex li jixtiequ jagħmlu din il-mixja flimkien.