L-ewwel riferenza ċara għall-eżistenza ta’ Kapitlu Kolleġġjali f’dik li qabel kienet il-Knisja Matriċi ta’ Għawdex imur lura għas-27 ta’ Diċembru 1463 fi Brevi tal-Papa Piju II. Tiftaħ bil-kelmiet “Dilectis filiis Capitulo dicte Ecclesie Collegiate – Għeżież ħuti tal-Kapitlu tal-imsemmija Knisja Kolleġġjata [ta’ Għawdex]”. It-twaqqif tal-Kapitlu possibbilment imur lura sekli qabel, bejn is-snin 1127 u 1249, meta wisq probabbli l-Matriċi kienet is-Sede Episkopali ta’ Malta u Għawdex.
Din il-Kapitlu Medjevali ntemm ħesrem nhar is-26 ta’ Lulju 1551, meta l-popolazzjoni kollha ta’ Għawdex, inklużi l-membri tal-Kolleġġjata, tkaxkru bħala skjavi mill-Ottomanni lejn Kostantinopli. Għawdex dam ħafna snin biex reġa’ ħa r-ruħ.
72 sena wara, il-Kapitlu reġa’ twaqqaf minn Baldassare Cagliares, l-Isqof ta’ Malta u Għawdex, bl-Edictum pro Erectione Collegiatæ in Matrici Ecclesia Gaudisii tas-6 ta’ Ġunju 1623. Il-Papa Alessandru VII bil-Bolla Superna Dispositione tas-17 ta’ Mejju 1663 approva formalment it-twaqqif mill-ġdid tal-Kolleġġjata.
Il-Beatu Papa Piju IX bil-Bolla Singulari Amore tas-16 ta’ Settembru 1864 fired il-gżejjer ta’ Għawdex u Kemmuna minn Malta u waqqafhom f’djoċesi suġġetta direttament lis-Santa Sede. Il-Matriċi ta’ Santa Marija ntgħażlet bħala l-Katidral tad-Djoċesi l-ġdida u l-Kapitlu tagħha sar Kapitlu Katidrali.
L-Awla Kapitulari hi binja ta’ bixra Neo-Klassika u tlestiet fl-1899. Fiha l-arma tal-Isqof Pietru Pace (1831-1914) li ħallas għaliha minn butu. Il-Kapitlu tal-Katidral iżomm il-laqgħat tiegħu f’din l-awla. Is-sala hi mżejna b’pitturi tal-Isqfijiet ta’ Għawdex mis-sena 1864.