Aqbeż għall-kontenut

Is-Sede tal-Isqof

Il-Knisja Katidrali ta’ Għawdex, iddedikata lit-Tlugħ fis-Sema tal-Verġni Marija, hija l-post fejn l-Ordinarju għandu l-katedra, jew tron, tiegħu. Hija għalhekk meqjusa bħala l-Omm tal-knejjes kollha tad-Djoċesi.

Il-kelma katedra mil-Latin cathedra, mill-Grieg kathedra, ‘magħqad’, tirreferi għas-siġġu jew it-tron tal-Isqof fi knisja katidrali u li minn fuqu hu jippresiedi l-funzjonijiet solenni u jindirizza lill-Insara miġbura fil-knisja.

Il-katedra, fil-bidu, kienet tkun fin-nofs, sewwasew kif iffigurat Kristu fuq it-tron jew thronos fl-affreski tal-katakombi u tal-knejjes Biżantini. Dawn iridu jaffermaw li l-Isqof mit-tron qiegħed jgħallem f’isem Kristu.

Kienet tkun fin-nofs biex dawk miġbura fi knisja mdaqqsa setgħu jisimgħuh aħjar. ’Il quddiem, għal diversi raġunijiet, il-katedra tressqet fil-ġenb tal-altar maġġur u tqiegħdet taħt baldakkin. Għaldaqstant saret magħrufa bħala t-tron.

Wara l-Konċilju Vatikan II dan il-baldakkin tneħħa biex jenfasizza r-rwol tal-Isqof bħala ragħaj, iktar milli kap, li bil-Kelma ta’ Alla jmexxi l-merħla fdata f’idejh.