Aqbeż għall-kontenut

L-Istorja tal-Katidral

Il-Katidral jiddomina l-għolja li fuqha hi mibnija ċ-Ċittadella ta’ Għawdex. Il-pożizzjoni prominenti ta’ din l-għolja sewwasew f’nofs il-gżira ispirat lill-ewwel nies li għammru f’Għawdex biex jagħżluha bħala post qaddis, għax peress li hu post fl-għoli, kien fit-twemmin tagħhom post eqreb lejn l-allat.

Il-fdalijiet arkeoloġiċi li nstabu fuq din l-għolja juri li sa minn sitt sekli qabel il-miġja ta’ Ġesù Kristu kienu jeżistu tempji u postijiet ta’ kult fejn l-Għawdxin qiemu lill-allat li kienu jemmnu fihom.

Il-Kristjaneżmu jidher li qabad l-art f’Malta u Għawdex lejn il-bidu tas-seklu 4. Hemm ħjiel li l-ewwel Insara qiemu lil Alla veru u lil Marija Omm Alla f’tempju Ruman li oriġinarjament kien iddedikat lill-alla Ġunone u li huma ddedikawh lill-Verġni Mbierka. Fl-istess żmien seħħew bidliet simili fil-gżira qrib ta’ Sqallija. Din it-trasformazzjoni tat-tempju fil-qalba taċ-Ċittadella hi kkonfermata minn fdalijiet arkeoloġiċi li nkixfu fis-sekli imgħoddija.

Il-Katidral tal-lum hu tal-inqas it-tielet knisja li nbniet fuq il-post. Fuq il-fdalijiet tat-tempju Ruman aktarx li nbniet l-ewwel knisja fi Żmien il-Biżantini (535-870). Fis-sena 870, dawn il-gżejjer għaddew taħt l-Għarab Aglabiti. F’xi żmien tat-tmexxija tagħhom, din il-knisja kienet trasformata f’moskea. Wara s-sena 1127, ma’ tmiem il-ħakma Għarbija u l-bidu tan-Normanna, din ingħatat mill-ġdid lill-Insara, u biż-żmien inbniet knisja ikbar u isbaħ.

Mal-medda taż-żmien, l-Insara bnew knisja isbaħ u ikbar. Kienet iddedikata lid-Dormitio, it-Tlugħ ta’ Marija fis-Sema, titlu li aktarx kien ilu ġej minn żmien il-Biżantini. Hu għalhekk li d-devozzjoni lejn Santa Marija għandha għeruq daqstant profondi fil-gżira ta’ Għawdex.

Il-Katidral preżenti fuq stil Barokk u għamla ta’ salib Latin hu mibni mill-ġebla lokali tal-franka fuq disinn tal-arkitett magħruf Malti Lorenzo Gafà. L-ewwel ġebla tqiegħdet fil-21 ta’ Settembru 1679; il-knisja tbierket u nfetħet għan-nies fl-14 ta’ Awwissu 1711; u kienet iddedikata mill-Isqof Giacobo Cañaves fil-11 ta’ Ottubru 1716. Il-Papa Piju IX qata’ lil Għawdex u Kemmuna djoċesi għalihom nhar is-16 ta’ Settembru 1964 u għażel din il-knisja bħala l-Katidral tad-Djoċesi.

Il-faċċata b’dekorazzjoni fina u elaborat għandha niċċa bi statwa tal-Madonna. Il-knisja minn ġewwa hi ħelwa u proporzjonata bil-karatteristiċi kollha ta’ Gafà. Il-Katidral m’għandux koppla; iżda d-daħla ċatta tal-koppla hi magħluqa b’perspettiva spettakulari, l-ikbar waħda ta’ din ix-xorti f’Malta. Hi dehra ta’ spazju limitat, iżda li jagħti l-impressjoni ta’ kobor maestuż.

Bosta huma t-teżori artistiċi, imma l-aktar magħrufa hi l-istatwa tal-Assunta, maħduma Ruma fl-1897 mill-Fabbrica di Statue Religiose ta’ Francesco Rosa, u li kull sena fil-15 ta’ Awwissu tinħareġ f’purċissjoni mat-toroq ewlenin tal-Belt Victoria.

tagħrif imħejji minn Mons. Dr Joseph Bezzina (2026)