Aqbeż għall-kontenut

L-Uffiċċju għall-Komunikazzjoni u l-Midja

Ir-Responsabbli għall-Komunikazzjoni u l-Midja jassisti lill-Isqof fil-ġestjoni u l-kordinazzjoni tal-komunikazzjoni istituzzjonali tad-Djoċesi ta’ Għawdex. Huwa jaħdem biex iwassal b’mod ċar, preċiż u f’waqtu l-ħajja, il-missjoni u l-ħidma pastorali tad-Djoċesi lill-fidili u lis-soċjetà, filwaqt li jrawwem preżenza effettiva tal-Knisja fil-mezzi ta’ komunikazzjoni u fl-ambjent diġitali.

F’isem l-Isqof, huwa jikkordina r-relazzjonijiet mal-midja, jieħu ħsieb il-pubbliċità u t-tixrid tal-aħbarijiet u tal-istqarrijiet uffiċjali tad-Djoċesi, u jissorvelja l-kopertura tal-attivitajiet u l-avvenimenti djoċesani. Huwa responsabbli wkoll mill-iżvilupp u l-aġġornament tas-sit elettroniku u tal-paġni u profili soċjali tad-Djoċesi, filwaqt li jrawwem kordinazzjoni mal-pjattaformi diġitali tal-parroċċi u tal-entitajiet ekkleżjali f’Malta u Għawdex sabiex tissaħħaħ il-komunikazzjoni fil-Knisja.

Hu responsabbli wkoll mill-pubblikazzjonijiet uffiċjali tad-Djoċesi, jiġifieri r-Rivista djoċesana u l-Bullettin tal-Ħadd.

Ir-Responsabbli għall-Komunikazzjoni hu s-Segretarju Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Il-Ħajja f’Għawdex, li permezz tagħha tiġi żviluppata u kkordinata l-ħidma tal-midja djoċesana, u jirrappreżenta lid-Djoċesi bħala membru tal-Beacon Media Group, fejn jikkollabora mal-entitajiet tal-komunikazzjoni tal-Knisja f’Malta għall-promozzjoni ta’ strateġija komuni fil-qasam tal-midja u l-komunikazzjoni.

Permezz ta’ dan il-ministeru, huwa jikkontribwixxi biex il-vuċi tal-Knisja tkun preżenti fil-qasam pubbliku b’mod professjonali, kredibbli u ispirat mill-Vanġelu, filwaqt li jippromovi kultura ta’ verità, djalogu u tama.

Francesco Pio Attard