L-Uffiċċju tal-Missjonijiet Pontifiċji fid-Djoċesi ta’ Għawdex (Missio) jassisti lill-Isqof fit-tħeġġiġ tal-impenn missjunarju tal-Knisja lokali u fil-promozzjoni tal-għarfien li kull Nisrani huwa msejjaħ biex ikun xhud tal-Vanġelu.
L-Uffiċċju jxerred l-ispirtu missjunarju fost il-komunitajiet parrokkjali, l-iskejjel u l-gruppi ekkleżjali, iżomm kuntatt mal-missjunarji Għawdxin, jorganizza inizjattivi ta’ talb, formazzjoni u solidarjetà favur il-ħidma tal-Knisja fil-pajjiżi tal-missjoni, u jikkordina l-kollaborazzjoni tad-Djoċesi mal-erba’ Opri Missjunarji Pontifiċji: l-Opra għall-Propagazzjoni tal-Fidi, l-Opra ta’ San Pietru Appostlu, l-Opra Missjunarja tat-Tfal, u l-Unjoni Missjunarja Pontifiċja.
Permezz ta’ din il-ħidma, l-Uffiċċju jikkontribwixxi biex il-Knisja f’Għawdex tgħix dejjem aktar il-vokazzjoni tagħha li tkun Knisja missjunarja, magħquda mal-Knisja universali u miftuħa għall-ħtiġijiet tal-popli kollha.