Il-Mixja Neokatekumenali hija itinerarju ta’ formazzjoni Kattolika u ta’ inizjazzjoni Nisranija għall-adulti, li joffri lill-fidili l-opportunità li jiskopru mill-ġdid il-ġid tal-Magħmudija u jsaħħu l-fidi tagħhom permezz tal-Kelma ta’ Alla, il-liturġija, il-ħajja komunitarja u x-xhieda Nisranija. Hija tgħix fil-parroċċi, fi ħdan komunitajiet żgħar, u hija maħsuba bħala għajnuna lill-Isqfijiet u lill-kappillani fil-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni u ta’ formazzjoni fil-fidi.
Il-Mixja bdiet f’Madrid fl-1964 permezz tal-ħidma ta’ Kiko Argüello u Carmen Hernández fost persuni foqra u emarġinati. Matul is-snin, l-esperjenza nfirxet f’ħafna pajjiżi u ġiet rikonoxxuta u approvata mis-Santa Sede bħala itinerarju ta’ formazzjoni u ta’ inizjazzjoni Nisranija.
F’Malta, il-Mixja Neokatekumenali bdiet f’Ottubru 1973 fuq stedina tal-Arċisqof Mikiel Gonzi, permezz ta’ tim ta’ katekisti li beda jintroduċi din l-esperjenza fil-parroċċi. Minn Malta, il-Mixja waslet ukoll f’Għawdex fl-1982. Bl-inkuraġġiment u l-appoġġ tal-Isqof Nikol Ġ. Cauchi ngħata permess biex jiġu offruti 14-il katekeżi fil-Katidral ta’ Għawdex u fil-Bażilika ta’ San Ġorġ fil-Belt Victoria, kif ukoll fil-Knisja Arċipretali ta’ Għajnsielem. Minn din l-esperjenza ffurmaw l-ewwel komunitajiet Neokatekumenali f’Għawdex.
Il-Mixja tgħin lill-komunitajiet jgħixu l-fidi b’mod konkret permezz tal-Kelma ta’ Alla, tal-liturġija, tat-talb, tal-ħajja fraterna u tax-xhieda tal-Vanġelu. Għalhekk, hija tfittex li tifforma komunitajiet Insara li jgħixu l-fidi tagħhom b’mod attiv fil-parroċċa u fis-soċjetà u li jkunu strumenti ta’ evanġelizzazzjoni.
Fil-preżent hemm mat-80 aħwa li qed jagħmlu din l-esperjenza f’żewġ komunitajiet.