L-Azzjoni Kattolika hija għaqda ta’ lajċi Nsara li, f’kollaborazzjoni mal-Isqof u l-Kappillan, jimpenjaw ruħhom biex jgħixu u jxerrdu l-Vanġelu u jagħtu sehemhom fil-missjoni appostolika tal-Knisja. Wara li l-Azzjoni Kattolika moderna ġiet imnedija mill-Papa Piju XI fl-1922, fi żmien l-Isqof Mikiel Gonzi saru sforzi biex tixtered mal-komunitajiet kollha f’Għawdex.
F’pajjiżna l-Azzjoni Kattolika żviluppat ħidma fost tfal, żgħażagħ u adulti, b’enfasi fuq il-formazzjoni fil-fidi, il-ħajja spiritwali, it-talb, il-ħajja komunitarja u l-impenn appostoliku. Il-ħidma tagħha tfittex li tgħin lill-membri jintegraw il-fidi tagħhom fil-ħajja ta’ kuljum u jkunu xhieda tal-Vanġelu fil-familja, fil-parroċċa, fuq il-post tax-xogħol u fis-soċjetà.
L-ispiritwalità tal-Azzjoni Kattolika hija msejsa fuq ir-relazzjoni personali ma’ Kristu, fuq is-smigħ tal-Kelma ta’ Alla, it-talb, il-ħajja sagramentali u l-għaqda mal-Knisja. Il-formazzjoni ssir b’mod partikolari permezz tal-laqgħat regolari, fejn il-membri jirriflettu fuq il-fidi u fuq kif din għandha tissarraf f’għażliet u azzjonijiet konkreti. B’hekk, il-formazzjoni u l-appostolat huma marbutin flimkien: il-membri jifformaw ruħhom ħalli jagħtu xhieda awtentika tal-fidi.
Il-ħidma appostolika tal-Azzjoni Kattolika tinkludi l-evanġelizzazzjoni u l-formazzjoni Nisranija, is-servizz fil-parroċċi u inizjattivi ta’ karità u solidarjetà. Impenn importanti kien il-Moviment tal-Għalliema Kattoliċi, fuq inizjattiva tal-Isqof Nikol Ġ. Cauchi, u t-tixrid tad-devozzjoni lejn Santa Gianna Beretta Molla, fuq inizjattiva tal-Isqof Mario Grech li għamel obbligatorja t-Tifkira liturġika tagħha.
L-Azzjoni Kattolika tfittex dejjem li tifforma lajċi li, magħqudin ma’ Kristu u mal-Knisja, ikunu xhieda tal-Vanġelu u ħmira Nisranija fid-dinja, billi jgħaqqdu l-ħajja ta’ fidi mal-qadi tal-proxxmu u mal-ħidma għall-ġid tal-komunità.
Id-Dar Ċentrali fi Triq Sir Arturo Mercieca, il-Belt Victoria, tospita anki skont il-bżonn lis-Seminarju Minuri, waqt li l-Moviment għandu diversi friegħi ta’ rġiel u nisa fil-parroċċi Għawdxin, uħud minnhom ukoll biċ-Ċrieki tagħhom. Il-President Djoċesan hu ex-officio Viċi-President tal-Azzjoni Kattolika Maltija li tagħmel parti mill-Forum Internazzjonali (FIAC) f’xi 50 pajjiż madwar il-kontinenti.