L-Istitut għall-Ministeru Pastorali (IPM), imwaqqaf fl-1 ta’ Ottubru 2019 b’digriet tal-Isqof Mario Grech, huwa istituzzjoni edukattiva mwaqqfa mid-Djoċesi ta’ Għawdex biex toffri formazzjoni professjonali u kontinwa lil persuni li diġà huma impenjati fil-ministeru pastorali jew li qed iħejju ruħhom biex jagħtu s-servizz tagħhom f’dan il-qasam.
L-IPM għandu wkoll il-missjoni li jikkontribwixxi għall-formazzjoni tal-komunitajiet Insara u għas-soċjetà b’mod ġenerali. F’soċjetà li qed tinbidel kontinwament, il-komunitajiet Insara u l-individwi jeħtieġu persuni kompetenti li jkunu jistgħu jwieġbu b’mod responsabbli għall-bżonnijiet umani u spiritwali tagħhom. Għalhekk, l-Istitut ifittex li jgħaqqad il-formazzjoni akkademika ma’ dik umana u pastorali.
Il-korsijiet u l-programmi tal-IPM jinkludu studji fit-Teoloġija, il-Filosofija, il-Pastorali u l-Psikoloġija, u jfittxu li jiżviluppaw approċċ interdixxiplinari għall-ħidma pastorali. L-Istitut jinkoraġġixxi wkoll l-użu tax-xjenzi umani bħala għajnuna għall-akkumpanjament personali u d-dixxerniment.
B’mod partikolari, l-IPM ifittex li:
jippromovi u jsostni l-formazzjoni kontinwa ta’ reliġjużi, lajċi impenjati u Nsara minn denominazzjonijiet oħra;
iħejji persuni kompetenti li jistgħu jagħtu servizz pastorali fil-parroċċi u fil-komunitajiet reliġjużi;
jgħin lill-operaturi pastorali jakkumpanjaw lill-persuni u lill-familji fil-bżonnijiet umani u spiritwali tagħhom;
jippromovi l-kollaborazzjoni u l-ħidma f’tim bejn dawk involuti fil-ministeru pastorali;
joffri spazju għal qsim ta’ esperjenzi u ideat fuq livell lokali u internazzjonali; u
jikkontribwixxi għall-impenn tal-Knisja lokali lejn is-soċjetà permezz tal-formazzjoni ta’ persuni kwalifikati u mħejjija tajjeb.
L-Istitut għall-Ministeru Pastorali huwa approvat u awtorizzat mill-Malta Further and Higher Education Authority (MFHEA) bħala istituzzjoni ta’ edukazzjoni ulterjuri, bil-Liċenzja Nru 2019-006.