Aqbeż għall-kontenut

Safeguarding of Minors – Gozo

Safeguarding of Minors – Gozo hija l-istruttura fid-Djoċesi ta’ Għawdex responsabbli biex tippromovi u ssaħħaħ kultura ta’ protezzjoni tal-minuri u tal-persuni vulnerabbli fi ħdan il-Knisja. Din il-ħidma hija msejsa fuq ir-rispett lejn id-dinjità ta’ kull persuna u fuq it-tagħlim u l-eżempju ta’ Ġesù Kristu, li wera attenzjoni u għożża partikulari lejn it-tfal u lejn dawk l-aktar vulnerabbli.

L-istruttura lokali twaqqfet fl-2017 bl-għan li tgħin fil-ħolqien ta’ ambjenti tal-Knisja li jkunu sikuri, rispettużi u li jħarsu l-benesseri tal-minuri u tal-persuni vulnerabbli. Dan isir permezz ta’ formazzjoni u taħriġ professjonali, prevenzjoni, monitoraġġ u għarfien kontinwu tal-prattiki ta’ safeguarding.

Il-ħidma tinkludi l-organizzazzjoni ta’ korsijiet u taħriġ ta’ prevenzjoni għal persuni li jaħdmu jew jagħtu servizz ma’ minuri, kif ukoll is-sorveljanza u l-verifika tal-ambjenti u l-attivitajiet tal-Knisja sabiex jiġi żgurat li jkunu konformi mal-istandards ta’ safeguarding u jiffavorixxu s-sigurtà u l-benessri tal-minuri.

Il-ħidma ssir ukoll f’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni tas-Safeguarding tal-Knisja f’Għawdex. Il-Kummissjoni tagħti pariri lill-Isqof dwar kwistjonijiet ta’ safeguarding, tiżviluppa u tirrevedi l-policies u l-proċeduri, tikkollabora mal-entitajiet tal-Knisja, tippromovi taħriġ u prevenzjoni, tikkordina verifiki u valutazzjonijiet tar-riskju, u tipprovdi appoġġ lill-uffiċjali responsabbli mis-safeguarding.

Parti importanti mill-ħidma hija l-kura u l-appoġġ lill-persuni li jkunu għaddew minn esperjenzi ta’ abbuż jew trawma, inklużi l-vittmi u l-persuni affettwati indirettament. F’dan il-qasam, Safeguarding of Minors – Gozo tikkollabora mat-Ta’ Pinu Counselling Centre biex toffri pariri, akkumpanjament u għajnuna professjonali lil dawk li jkunu għaddew minn esperjenzi diffiċli f’ħajjithom.

Il-ħidma ssir ukoll, fejn ikun meħtieġ, f’kollaborazzjoni mal-Korp tal-Pulizija, id-Direttorat għall-Protezzjoni tat-Tfal u entitajiet statutorji oħra, dejjem bil-għan li jiġu mħarsa d-drittijiet, id-dinjità u l-benesseri tal-persuni vulnerabbli.

Il-Knisja f’Għawdex temmen li s-safeguarding mhuwiex biss kwistjoni ta’ policy jew proċedura, iżda impenn fundamentali tal-missjoni tagħha. Għalhekk, il-ħolqien ta’ ambjent sigur, fejn kull persuna tkun rispettata u protetta, huwa responsabbiltà ta’ kulħadd u parti integrali mill-ħajja u l-ħidma pastorali tal-Knisja.