Aqbeż għall-kontenut

L-Arkivju Episkopali

L-Arkivju Episkopali ta’ Għawdex (Archivum Episcopale Gaudisiense) huwa d-depożitu tad-dokumentazzjoni relatata mal-Kurja Provigarjali u, mis-sena 1864, mal-Kurja Episkopali ta’ Għawdex, kif ukoll id-depożitu ta’ numru ta’ etitatijiet oħra fi ħdan id-Djoċesi ta’ Għawdex.

Id-dokumentazzjoni mhix biss strument ġuridiku u sors ta’ tagħrif għar-riċerka u l-kitba tal-istorja, imma hija wkoll għodda importanti għat-tisħiħ tal-evanġelizzazzjoni l-ġdida (ara Ittra Ċirkulari tal-Kummissjoni Pontifiċja għall-Wirt Kulturali tal-Knisja, Il-Funzjoni Pastorali tal-Arkivji tal-Knisja [2 ta’ Frar 1997], par. 1).

L-Arkivju Episkopali ta’ Għawdex kien l-ewwel arkivju fil-gżira ta’ Għawdex organizzat b’mod sistematiku u professjonali, kif ukoll l-ewwel wieħed li nfetaħ għall-pubbliku b’dokumentazzjoni li tibda mis-sena 1561 u tkompli sa żminijietna.

L-Arkivista Djoċesan

L-Arkivista Djoċesan huwa responsabbli mill-ġbir, il-ħarsien, l-organizzazzjoni u l-aċċessibbiltà tal-wirt dokumentarju u storiku tad-Djoċesi ta’ Għawdex. Huwa jieħu ħsieb il-materjal arkivistiku tad-Djoċesi, inklużi dokumenti, reġistri, manuskritti u oġġetti oħra ta’ valur storiku u ekkleżjali, sabiex dan il-patrimonju jibqa’ ppreservat għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.

Fost id-dmirijiet tiegħu hemm il-klassifikazzjoni, id-deskrizzjoni u l-konservazzjoni tal-materjal arkivistiku, kif ukoll l-iżgurar li l-ġestjoni tal-Arkivju ssir skont standards professjonali u prattiċi tajbin fil-qasam tal-arkivji. Huwa jassisti wkoll lir-riċerkaturi u lil dawk li jfittxu li jagħmlu użu mid-dokumenti arkivjati għal skopijiet storiċi, akkademiċi jew pastorali, skont ir-regolamenti applikabbli.

L-Arkivista Djoċesan jikkollabora mal-Kanċillier Djoċesan u ma’ uffiċċji oħra tal-Kurja sabiex jiġi żgurat li d-dokumenti uffiċjali tad-Djoċesi jiġu ppreservati u amministrati b’mod xieraq. Permezz tas-servizz tiegħu, huwa jikkontribwixxi għall-ħarsien tal-memorja storika tal-Knisja f’Għawdex u għall-għarfien tal-wirt spiritwali, kulturali u ekkleżjali tagħha.

Dun Joseph Attard