Il-programm 10K u 7S huwa itinerarju ta’ formazzjoni Nisranija li jgħin lill-adolexxenti u liż-żgħażagħ jiskopru l-fidi bħala mixja konkreta ta’ ħajja ma’ Kristu. Il-programm, żviluppat f’Ruma minn Dun Fabio Rosini, jgħaqqad żewġ elementi fundamentali tal-fidi Nisranija: l-Għaxar Kmandamenti (10K) u s-Seba’ Sinjali tal-Vanġelu skont San Ġwann (7S).
Il-mixja tal-10K tgħin lill-parteċipanti jiskopru l-Għaxar Kmandamenti mhux biss bħala regoli li wieħed għandu josserva, iżda bħala kelma ta’ Alla li turi t-triq lejn il-ħajja vera, il-libertà u l-imħabba. Permezz tagħhom, iż-żgħażagħ jiġu megħjuna jagħrfu x’jagħmel lill-bniedem tassew ħieles u kif jista’ jgħix relazzjonijiet tajbin ma’ Alla, miegħu nnifsu u mal-oħrajn.
Il-mixja tas-7S hija msejsa fuq is-Seba’ Sinjali rrakkontati fil-Vanġelu skont San Ġwann. Permezz ta’ dawn is-sinjali, il-parteċipanti jiġu megħjuna jidħlu aktar fil-fond fil-persuna u fil-missjoni ta’ Ġesù u jagħrfu li l-mirakli tal-Vanġelu huma sinjali li jwasslu għall-fidi fih u juru l-ħidma tiegħu fil-ħajja tal-bniedem.
Il-programm juża l-Iskrittura bħala punt tat-tluq għal riflessjoni, djalogu u dixxerniment dwar il-ħajja konkreta taż-żgħażagħ. B’hekk, il-programm 10K u 7S jgħin biex il-Kelma ta’ Alla ma tibqax tagħrif teoretiku, iżda ssir għodda biex wieħed jifhem il-ħajja, jagħmel għażliet tajbin u jikber fir-relazzjoni tiegħu ma’ Kristu.
F’Għawdex, dan il-programm joffri lill-adolexxenti u liż-żgħażagħ spazju ta’ formazzjoni, qsim u akkumpanjament, u jikkontribwixxi għall-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni u ta’ formazzjoni fil-fidi tad-Djoċesi.