Aqbeż għall-kontenut

Mixja ta’ Tħejjija għaż-Żwieġ

Il-Mixja ta’ Tħejjija għaż-Żwieġ u għall-Ħajja tal-Familja (MTŻ) tgħin lill-koppji għarajjes fil-maturazzjoni umana u spiritwali tagħhom permezz ta’ formazzjoni u akkumpanjament, sabiex ikunu jistgħu jħejju ruħhom b’mod sħiħ għall-ħajja taż-żwieġ u tal-familja.

Il-MTŻ tħares lejn il-persuna, il-koppja u ż-żwieġ fl-aspetti kollha tagħhom: kemm fid-dimensjoni umana tar-relazzjonijiet u tal-ħajja tal-familja, kif ukoll fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla u tat-tagħlim tal-Knisja. Permezz tat-temi u l-materjal proposti, il-koppji għarajjes jingħataw l-opportunità jirriflettu fuq u jevalwaw ir-relazzjoni tagħhom, jissaħħu fil-maturità tagħhom bħala koppja u jiddixxernu s-sejħa tagħhom għaż-żwieġ Nisrani u għall-ħajja tal-familja.

Il-laqgħat tal-MTŻ isiru fil-parroċċi kollha ta’ Għawdex darba kull ħmistax, bejn l-aħħar ta’ Settembru u l-bidu ta’ April, fuq medda ta’ sentejn. L-istess laqgħat jiġu wkoll offruti f’Dar San Ġużepp, Santa Venera għal dawk il-koppji li ser jiżżewġu Għawdex imma jgħixu Malta.

Il-mixja titmexxa minn saċerdot flimkien ma’ grupp ta’ koppji animaturi, li permezz tal-esperjenza u x-xhieda tagħhom jgħinu lill-koppji għarajjes jidħlu aktar fil-fond fit-tifsira taż-żwieġ Nisrani u fit-tħejjija għall-ħajja konjugali u familjari.

Min jixtieq aktar informazzjoni dwar il-laqgħat tal-MTŻ jista’ jkellem lill-Kappillan tal-parroċċa jew jibgħat email fuq [email protected]