Aqbeż għall-kontenut

L-Oratorju Don Bosco

L-Oratorju Don Bosco huwa ċentru ta’ formazzjoni Nisranija, edukazzjoni u rikreazzjoni li ilu jaqdi lit-tfal, iż-żgħażagħ u l-familji Għawdxin għal kważi seklu. Imnebbaħ mill-kariżma ta’ San Ġwann Bosco, għandu bħala missjoni li jgħin fil-formazzjoni tal-bniedem kollu permezz tal-fidi, tal-edukazzjoni u tal-ħajja fil-komunità.

L-ewwel passi tal-Oratorju bdew fl-1929 bil-laqgħat fil-Knisja ta’ Savina. Fl-1934 infetħet l-ewwel dar tal-Oratorju fuq inizjattiva ta’ Dun Pawl Micallef, u wara diversi trasferimenti, fl-1949 ġie inawgurat il-bini preżenti fi Pjazza Santu Wistin, li minn dakinhar sar punt ta’ riferiment għall-formazzjoni u l-ħidma maż-żgħażagħ f’Għawdex.

Fidil lejn is-sistema edukattiva ta’ Don Bosco, l-Oratorju joffri ambjent li jgħaqqad il-ħajja spiritwali mar-rikreazzjoni u l-formazzjoni. Il-kappella hija l-qalba tal-ħidma tiegħu, filwaqt li l-gruppi ta’ formazzjoni, il-palk, iċ-ċinema, il-grawnd u l-Klabb tas-Sajf huma fost il-ħafna inizjattivi li jgħinu lit-tfal u liż-żgħażagħ jikbru fil-valuri tal-ħbiberija, ir-responsabbiltà, is-servizz u l-fidi.

Tul is-snin, ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ Għawdxin sabu fl-Oratorju dar fejn jitgħallmu, jiltaqgħu u jikbru flimkien. Illum l-Oratorju Don Bosco jibqa’ jġedded il-missjoni tiegħu billi joffri spazju miftuħ u akkoljenti għal kulħadd, fejn il-prinċipji Nsara u l-ispirtu Salesjan ikomplu jispiraw il-ħidma favur il-ġid taż-żgħażagħ u tas-soċjetà Għawdxija.

Dettalji ta’ kuntatt
Direttur
Dun Samuel Grech
Oratorju Don Bosco, Pjazza Santu Wistin, il-Belt Victoria VCT 1610
t. 2155 6616
e. [email protected]
w. www.donboscogozo.org
fb. facebook.com/oratorjudonboscogozo