Il-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ Għawdex (KDŻG) hija l-uffiċċju djoċesan responsabbli mill-pastorali tal-adolexxenti u ż-żgħażagħ fid-Djoċesi ta’ Għawdex. Il-missjoni tagħha hija li tgħin lill-adolexxenti u liż-żgħażagħ, flimkien mal-familji tagħhom, jikbru fir-relazzjoni tagħhom ma’ Ġesù Kristu u mal-Knisja, u jagħrfu s-sehem tagħhom fil-ħajja u l-missjoni tagħha.
Il-KDŻG tappoġġja lill-parroċċi u lill-gruppi taż-żgħażagħ permezz ta’ riżorsi, materjal u inizjattivi pastorali, filwaqt li toffri formazzjoni u akkumpanjament lill-animaturi taż-żgħażagħ. Permezz ta’ rtiri, seminars, konferenzi u inizjattivi bħal Navis, tgħin lill-animaturi jissaħħu fil-fidi u jitħejjew biex jaqdu aħjar lill-adolexxenti u liż-żgħażagħ fdati f’idejhom.
Il-ħidma tal-KDŻG tinkludi wkoll programmi ta’ formazzjoni bħall-10K u s-7S, riżorsi għall-gruppi tal-adolexxenti u ż-żgħażagħ, u inizjattivi ta’ evanġelizzazzjoni u formazzjoni. Torganizza wkoll attivitajiet u ċelebrazzjonijiet djoċesani, fosthom l-appuntament annwali ta’ Kristu Re li miegħu hu marbut Jum iż-Żgħażagħ, u tappoġġja l-inizjattivi tal-gruppi parrokkjali.
Permezz ta’ din il-ħidma, il-KDŻG tfittex li toħloq ambjent fejn l-adolexxenti u ż-żgħażagħ iħossuhom milqugħa, akkumpanjati u parti attiva mill-Knisja, u jkunu mħeġġa jgħixu u jagħtu xhieda tal-fidi tagħhom fil-ħajja ta’ kuljum.