Aqbeż għall-kontenut

Il-Pastorali Vokazzjonali

Il-Pastorali Vokazzjonali fid-Djoċesi ta’ Għawdex tgħin b’mod partikolari lill-adolexxenti u liż-żgħażagħ jiskopru s-sejħa li Alla jagħmel lil kull persuna u jagħrfu kemm hi sabiħa ħajja li tingħata bi mħabba lil Alla u lill-oħrajn. L-għan tagħha huwa li tgħin lil kull persuna tagħraf il-vokazzjoni tagħha u twieġeb għaliha b’libertà, ġenerożità u fiduċja f’Alla, b’attenzjoni partikulari għas-sejħa għas-saċerdozju u għall-ħajja kkonsagrata.

Il-Pastorali Vokazzjonali tfittex ukoll li tqajjem kultura vokazzjonali fid-Djoċesi kollha, sabiex il-komunità Nisranija, il-familji, il-parroċċi, l-iskejjel u l-gruppi taż-żgħażagħ jagħrfu li l-vokazzjoni hija parti essenzjali mill-ħajja Nisranija. Permezz tax-xhieda tagħhom, il-komunitajiet Insara huma msejħa juru l-ferħ u s-sbuħija ta’ ħajja mogħtija għal Alla u għall-qadi tal-oħrajn.

Għal dan il-għan, il-Pastorali Vokazzjonali toffri diversi esperjenzi u gruppi ta’ formazzjoni u dixxerniment, imfassla skont l-età u l-maturità tal-parteċipanti. Ewlenin fosthom huma laqgħat regolari ta’ darba jew darbtejn fix-xahar, għal studenti minn Form 3 ’il fuq, esperjenzi ta’ live-ins fis-Seminarju jew irtiri, li joffru żmien ta’ talb, riflessjoni, fraternità u dixxerniment vokazzjonali, u esperjenzi ta’ volontarjat barra minn Malta.

Parti importanti mill-ħidma hija wkoll l-akkumpanjament personali ta’ adolexxenti, żgħażagħ u adulti li jesprimu interess jew ftuħ għad-dixxerniment tal-vokazzjoni tagħhom. Dan isir permezz ta’ smigħ, direzzjoni u akkumpanjament spiritwali, f’kollaborazzjoni mas-Seminarju, mal-parroċċi, mal-iskejjel u mal-komunitajiet reliġjużi.

Il-Pastorali Vokazzjonali tikkollabora wkoll mal-uffiċċji u l-entitajiet pastorali tad-Djoċesi fl-organizzazzjoni ta’ inizjattivi u avvenimenti ta’ animazzjoni vokazzjonali, fosthom il-Ħadd tal-Vokazzjonijiet u Festa Abbatini, irtiri u attivitajiet oħra li jgħinu biex il-vokazzjoni titqies bħala rigal u sejħa ta’ Alla li tagħti sens u direzzjoni lill-ħajja.

Dettalji ta’ kuntatt
Responsabbli
Dun Noel Debono