Id-Delegat għall-Adolexxenti u ż-Żgħażagħ jassisti lill-Isqof fil-promozzjoni, il-kordinazzjoni u l-iżvilupp tal-pastorali maż-żgħażagħ fid-Djoċesi ta’ Għawdex. Ispirat mill-missjoni tal-Knisja u mill-viżjoni pastorali tad-Djoċesi, huwa jaħdem biex jakkumpanja lill-adolexxenti u liż-żgħażagħ fil-mixja tagħhom ta’ fidi u jgħinhom jikbru bħala dixxipli ta’ Kristu u membri attivi tal-komunità Nisranija.
F’isem l-Isqof, id-Delegat jippromovi inizjattivi ta’ evanġelizzazzjoni, formazzjoni u akkumpanjament li jwieġbu għar-realtajiet u l-ħtiġijiet taż-żgħażagħ tal-lum. Huwa jinkuraġġixxi l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja tal-Knisja, fil-liturġija, fil-volontarjat u fil-ħidma pastorali, filwaqt li jrawwem fihom sens ta’ responsabbiltà, dixxipulat u servizz.
Id-Delegat jikkollabora mal-parroċċi, mal-iskejjel, mal-komunitajiet reliġjużi, mal-movimenti u mal-għaqdiet taż-żgħażagħ, kif ukoll mal-entitajiet djoċesani, sabiex il-pastorali maż-żgħażagħ tkun kordinata u f’armonija mal-prijoritajiet pastorali tad-Djoċesi. Huwa jaħdem biex iż-żgħażagħ ikunu mhux biss destinatari tal-pastorali, iżda protagonisti fil-missjoni tal-Knisja u xhieda tal-Vanġelu fis-soċjetà.
Il-Kordinatur tal-Uffiċċju Djoċesan taż-Żgħażagħ
Il-Kordinatur tal-Uffiċċju Djoċesan taż-Żgħażagħ jikkordina l-ħidma tal-Uffiċċju Djoċesan taż-Żgħażagħ taħt il-gwida tad-Delegat tal-Isqof għall-Adolexxenti u ż-Żgħażagħ, bil-għan li jappoġġja l-missjoni tal-Knisja fl-akkumpanjament tal-adolexxenti u ż-żgħażagħ fid-Djoċesi ta’ Għawdex.
Huwa jippjana, jikkordina u jivvaluta l-programmi u l-inizjattivi tal-pastorali maż-żgħażagħ, filwaqt li jiżgura li dawn ikunu f’armonija mal-viżjoni u l-prijoritajiet pastorali tad-Djoċesi. Barra minn hekk, joffri appoġġ lill-parroċċi, lill-gruppi u lill-movimenti taż-żgħażagħ, jippromovi l-formazzjoni tal-mexxejja u tal-voluntiera, u jħejji riżorsi li jgħinu fit-twettiq tal-ħidma pastorali.
Il-Kordinatur jikkollabora mill-qrib mal-parroċċi, mal-iskejjel, mal-entitajiet djoċesani u ma’ organizzazzjonijiet oħra li jaħdmu maż-żgħażagħ, sabiex jissaħħu l-komunjoni u l-kollaborazzjoni fil-pastorali taż-żgħażagħ. Huwa jrawwem inizjattivi li jgħinu liż-żgħażagħ jikbru spiritwalment, umanament u pastoralment, u jinkoraġġihom ikunu protagonisti fil-ħajja u l-missjoni tal-Knisja.