Skont il-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku (kanoni 476-481), il-Vigarju Episkopali jinħatar mill-Isqof u jingħata s-setgħa eżekuttiva ordinarja fuq qasam speċifiku tal-ħajja djoċesana, fuq kategorija ta’ persuni jew fuq territorju partikolari. Fil-każ tal-Vigarju Episkopali għall-Kleru, din is-setgħa tiġi eżerċitata fil-qasam tal-ħajja u l-ministeru tal-kleru, dejjem f’isem l-Isqof, f’għaqda miegħu u skont id-direzzjoni pastorali tiegħu.
Il-Vigarju Episkopali għall-Kleru jassisti lill-Isqof fil-ħarsien u l-promozzjoni tal-ħajja, il-ministeru u l-formazzjoni kontinwa tas-saċerdoti u d-djakni tad-Djoċesi. F’isem l-Isqof, jakkumpanja lill-membri tal-kleru fil-ħidma pastorali tagħhom, joffrilhom sostenn spiritwali u pastorali, u jikkollabora magħhom biex jissaħħu l-għaqda presbiterali u l-fedeltà lejn il-missjoni tal-Knisja. Barra minn hekk, jikkordina inizjattivi marbuta mal-formazzjoni permanenti tal-kleru u jgħin lill-Isqof f’dawk il-kwistjonijiet li jikkonċernaw direttament il-ħajja u l-ministeru tas-saċerdoti u d-djakni.