Għajnsielem, tefgħa ta’ ġebla mill-port tal-Imġarr, sempliċiment ifisser l-għajn ta’ Salem; Salem hi isem Għarbi li m’għadux jintuża. Għajnsielem ħa ismu minn għajn f’ħalq Wied Simirat, il-wied li llum jispiċċa fil-Pjazza tad-Dehra fil-qalba tar-raħal. Il-mafkar fil-pjazza jagħti ġieħ lil Anġlu Grech, bidwi li kien jgħix fil-qrib u li, skont it-tradizzjoni, kellu viżjoni mill-Verġni Mqaddsa Marija titolbu jibni knisja.
Fl-1820 inbniet knisja f’ġieħ il-Madonna ta’ Loreto li għadha wieqfa sal-lum. Saret knisja parrokkjali fi żmien l-Isqof Publiju Marija Sant nhar is-26 ta’ Jannar 1855. Għajnsielem illum għandu knisja parrokkjali ġdida mibnija fl-istil arkitettoniku Gotiku. L-ewwel ġebla tqiegħdet fl-14 ta’ Settembru 1924. Tbierket fis-27 ta’ Awwissu 1978 u ġiet iddedikata fit-18 ta’ Awwissu 1989. Fit-3 ta’ Settembru 1965 il-parroċċa saret Arċipretali.
Il-Kappella ta’ Santa Ċeċilja, fit-tarf tar-raħal int u tiela’ r-Rabat, hi l-eqdem kappella f’Għawdex.