Aqbeż għall-kontenut

Ix-Xewkija

Ix-Xewkija, magħrufa bħala r-raħal tar-Rotunda, kienet l-ewwel raħal f’Għawdex li ngħata l-istatus ta’ parroċċa. Isimha ġej mill-kelma Maltija u Għarbija ‘xewk’, b’referenza għal post fejn jikber ix-xewk b’abbundanza.

Ix-Xewkija hija ddominata mir-Rotunda monumentali ddedikata lil San Ġwann Battista. Din saret l-ewwel parroċċa ’l barra mir-Rabat fis-27 ta’ Novembru 1678. Kien l-Isqof Miguel Molina li, waqt żjara pastorali fir-raħal, iddeċieda li l-komunità numeruża li kienet tgħix madwar il-kappella antika ta’ San Ġwann Battista kien jistħoqqilha kura pastorali aħjar.

Il-kappella l-antika nbniet mill-ġdid mill-inqas darbtejn matul is-sekli. L-ewwel ġebla tal-knisja parrokkjali preżenti, ir-Rotunda, tqiegħdet fl-4 ta’ Mejju 1952. Din inbniet madwar il-knisja preċedenti, li min-naħa tagħha kienet mibnija fuq is-sit ta’ knisja saħansitra eqdem. Sal-ewwel nofs tas-seklu 20, il-komunità kienet magħmula l-aktar minn bdiewa u sajjieda, li kienu għamlu sagrifiċċji kbar biex jibnu l-knejjes ta’ qabilha. Minkejja d-diffikultajiet, fl-1952 dawn il-familji impenjaw ruħhom li jagħtu kontribuzzjoni ta’ kull ġimgħa biex tkun tista’ tinbena r-Rotunda maestuża.

Il-koppla, li tilħaq 75m għoli, b’dijametru ta’ 27m u ċirkonferenza ta’ 85m, hija waħda mill-akbar fl-Ewropa. Il-piż tagħha huwa stmat għal madwar 45,000 tunnellata. Il-knisja ġiet iddedikata fis-17 ta’ Ġunju 1978. Il-parroċċa ilha tgawdi d-dinjità ta’ Knisja Arċipretali sa mill-10 ta’ Frar 1893, u hija wkoll is-Sede tal-Ordni Sovran, Militari u Ospidalier ta’ San Ġwann f’Għawdex.

Dettalji ta’ kuntatt
Arċipriet
Mons. Daniel Xerri
Pjazza San Ġwann Battista, ix-Xewkija XWK 1012
t. 2155 6793, 2156 4608
e. [email protected]
w. www.xewkijaparish.org
fb. facebook.com/XewkijaParishGozo
Titular
San Ġwann Battista
Data tad-Dedikazzjoni
17 ta’ Ġunju 1978
Radju
Radju Prekursur – 99.3MHz
Mużew
Mużew tal-Iskultura, Ir-Rotunda, Pjazza San Ġwann Battista, ix-Xewkija