San Lawrenz jinsab fil-punent ta’ Għawdex. Ismu ġej mid-dedikazzjoni ta’ kappella antika li kienet tinsab f’dawn l-inħawi sa mill-inqas mill-1575.
San Lawrenz huwa l-uniku raħal f’Għawdex li jġib l-isem tal-Patrun tiegħu, l-Arċidjaknu martri ta’ Ruma li miet fis-sena 258 u li jgawdi qima kbira mad-dinja kollha. Ir-raħal jinsab fuq it-triq li tgħaqqad ir-Rabat, l-Għarb, San Lawrenz u d-Dwejra, eżatt taħt Ta’ Dbieġi, l-ogħla għolja ta’ Għawdex.
L-ewwel ġebla tal-Knisja Parrokkjali tqiegħdet fil-21 ta’ Novembru 1886 u l-knisja tlestiet fl-1897. Hija ġiet iddedikata fis-26 ta’ Settembru 1897. San Lawrenz twaqqaf parroċċa fil-15 ta’ Marzu 1893.