Aqbeż għall-kontenut

Il-Belt Victoria – San Ġorġ

Ir-Rabat, l-isem tal-belt Medjevali ta’ Għawdex, magħrufa uffiċjalment bħala Victoria sa mill-1887, meta ngħatat ukoll l-istatus ta’ belt, hija kelma ta’ oriġni Għarbija li fil-Malti antik kienet tfisser ‘subborg’.

Ir-Rabat għandu żewġ parroċċi: il-Parroċċa tal-Katidral u l-Parroċċa ta’ San Ġorġ. Fi żmien meta l-popolazzjoni kollha ta’ Għawdex kienet tgħix fiċ-Ċittadella u fis-subborg tagħha, ir-Rabat kien jinkludi mhux inqas minn erba’ parroċċi: dawn iż-żewġ parroċċi, flimkien ma’ dawk ta’ Santa Marija ta’ Savina u San Ġakbu li ġew imwaqqfa fl-1575.

Il-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġorġ, li tinsab ftit ’il bogħod minn Pjazza Indipendenza (it-Tokk), tinsab fil-qalba tal-belt il-qadima, u sa mill-qedem kienet ċentru ta’ Kristjanità li qeda l-Insara kollha tal-gżira. L-oriġni tal-parroċċa jmorru lura għal żminijiet bikrija, żgur sew qabel l-1450, meta hija diġà tissemma fost il-knejjes ġubilari. L-ewwel ġebla tal-knisja preżenti, mibnija mill-poplu Għawdxi lill-Protettur tiegħu taħt it-treġija tal-Gvernatur Francesco de Cordoba, tqiegħdet fis-7 ta’ Awwissu 1672, u l-knisja tlestiet fl-1678, l-ewwel waħda fil-gżira mibnija fl-għamla ta’ salib Latin. Ġiet iddedikata mill-Isqof Pawlu Alpheran de Bussan fil-21 ta’ Settembru 1755. Fis-6 ta’ Settembru 1958 ingħatat it-titlu ta’ Bażilika Minuri mill-Papa Piju XII, u fit-8 ta’ Diċembru 1975 saret Knisja Arċipretali u Kolleġġjata, aggregata mal-Arċibażilika tas-Santissmu Salvatur u ta’ San Ġwann Lateran f’Ruma, li hi l-Katidral tal-Papa.

Din il-knisja parrokkjali hija magħrufa bir-raġun bħala l-‘Bażilika Dehbija’. Fost l-aktar opri li jiġbdu l-attenzjoni hemm il-kwadru titulari maħdum minn Mattia Preti fl-1678 u t-tribuna maestuża tal-bronż fuq l-altar maġġur, kopja fiċ-ċokon ta’ dik li hemm fil-Bażilika ta’ San Pietru f’Ruma. Madankollu, l-akbar teżor artistiku huwa l-istatwa titulari ta’ San Ġorġ, maħduma fl-injam fl-1838 minn Pietru Pawl Azzopardi, li għall-istess knisja ħadem ukoll il-Kurċifiss devot. San Ġorġ kien l-ewwel statwa titulari proċessjonali f’Għawdex, u bħall-bini tal-knisja nfisha, ġie kkummissjonat bħala ex-voto bħala radd il-ħajr lill-Qaddis Patrun ta’ Għawdex għall-ħelsien mill-mard.

L-aħħar ġawhra artistika miżjuda mal-binja hi dik tal-Kappella Biżantina tas-Santissimu Sagrament, miksija kollha b’mużajċi maħduma mid-ditta Rumena Mosaicon.

Dettalji ta’ kuntatt
Arċipriet
Il-Kan. Joseph Curmi
Triq il-Karità, il-Belt Victoria VCT 1200
t. 2155 7504, 2155 6377
e. [email protected]
w. heartofgozo.org.mt
fb. facebook.com/stgeorge.org.mt
Titular
San Ġorġ Megalomartri
Data tad-Dedikazzjoni
21 ta’ Settembru 1755
Radju
Radju Leħen il-Belt Victoria (LBV) – 104MHz FM
Mużew
Il-Ħaġar, Pjazza San Ġorġ, il-Belt Victoria